Lokali Parlament

Bżonn ta’ doża akbar ta’ prudenza fis-sewqan b’infurzar aħjar u b’uffiċjali mħarrġa

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli tkellmet fil-Parlament dwar l-importanza tar-relazzjoni bejn it-traffiku u l-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fit-toroq, u appellat biex inħarsu lejn metodi ġodda kif noffru sigurtà akbar lis-sewwieqa, passiġġiera u n-nies fit-triq.

Fid-dibattitu dwar il-voti fil-Baġit li jaqgħu taħt il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Drittijiet tal-Konsumatur, ix-Shadow Minsiter għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, saħqet li x-xogħlijiet fit-toroq iridu jsiru b’mod li s-saħħa u s-sigurtà tingħata prijorità.

Kampanji edukattivi dwar ir-riperkussjonijiet jekk il-liġijiet ma jiġux osservati
Semmiet element tal-prudenza fis-sewqan u fissret li jekk ikun hawn doża akbar ta’ prudenza fis-sewqan, jonqsu ħafna inċidenti. Dan għandu jsir b’infurzar aħjar u b’aktar uffiċjali ta’ infurzar imħarrġa f’dan il-qasam. Hemm bżonn ukoll ta’ kampanji edukattivi mhux biss dwar x’għandu jagħmel is-sewwieq waqt is-sewqan, iżda wkoll bir-riperskussjonijiet jekk dawn ma jiġux osservati.

Appellat ukoll biex nikkunsidraw il-ħtiġiet fit-toroq għall-persuni bi bżonnijet speċjali, it-tabelli 3D u li s-sewwieqa jkollhom first aid box u jkunu mħarrġa fl-ewwel għajnuna.

Suġġerimenti biex jissaħħaħ il-qasam tas-saħħa u s-sigurtà
Marthese Portelli tkellmet ukoll dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà u ressqet suġġerimenti biex dan il-qasam jibqa’ jiżdied.
Issuġġeriet li l-Gvern jibda proċess intern u jeżamina l-liġi għal emendi biex tkompli titjieb, jiġi studjat x’jista’ jsir biex is-saħħa u s-sigurtà jiġu mħarsa aħjar għax il-ħaddiema ma jafux id-drittijiet tagħhom u safejn jistgħu jaslu. Dan irridu narawh ukoll mil-lenti ta’ min iħaddem u kif jistgħu jiġu megħjuna għaliex is-saħħa u s-sigurtà hi spiża oħra għal min iħaddem.

Semmiet ukoll aktar proposti, fosthom li l-OHSA taddotta standards internazzjonali anke internament biex tirregola l-proċessi interni tagħha, tikkunsidra jekk għandhiex tissepara l-funzjonijiet attwali tal-Awtorità – dik ta’ regolatur, li tinforza u li teduka.

Għandhom jiġu studjati wkoll sistemi ta’ public private partnership jew mekkaniżmu ieħor biex tkun aktar effettiva. Semmiet ukoll il-korsijiet fuq is-saħħa u s-sigurtà, li jridu jkunu rikonoxxuti u akkreditati, u jekk ma tagħmilx dan hi, it-taħriġ jingħata minn min hu akkredidat.