Futbol Sport

Champagne jitfa’ l-kanditatura

L-eksmembru tal-Eżekuttiv tal-FIFA Jerome Champagne xeħet uffiċjalment il-kandidatura tiegħu biex isir il-President il-ġdid tal-organizzazzjoni.

Il-Franċiż ta’ 57 sena kien għamel kamapanja qabel l-aħħar elezzjoni f’Mejju, imma rtira l-kandidatura peress li ma kisibx biżżejjed appoġġ mill-asoċjazzjonijiet membri.

Champagne, li kkritika fil-miftuħ lil Sepp Blatter għal dak li għamel fil-passat qal li l-investigazzjoni kriminali li qed issir fil-konfront tal-President tal-FIFA, is-Segretarju Ġenerali Jerome Valcke u numru ta’ uffiċjali, reġgħu stimulawh jieħu jikkontesta..

“Fi żmien meta l-FIFA għandha bżonn aktar minn qatt qabel ta’ dibattitu miftuħ dwar il-futur, ir-riforma tagħha u dak tal-futbol, kollha qed nassistu għall-bidu ta’ kampanja elettorali dominata minn kontroversji, u ftehim li sar bil-bibien magħluqa,” qal fi stqarrija.

Champagne wiegħed li se jintroduċi “l-ogħla livell ta’ trasparenza u etika” fi ħdan il-FIFA, waqt li jsaħħaħ l-iżvilupp u s-sistema akkademika fi ħdan l-isport u jgħolli wkoll l-status tal-futbol tan-nisa.

Huwa talab ukoll tliet dibattiti pubbliċi fuq it-televiżjoni bħala tħejjija għall-elezzjonijiet fi Frar bil-għan li joħloq dibattitu miftuħ fuq il-futur tal-FIFA u fuq il-futur tal-futbol.”

Champagne, li se jkollu kampanja bażata fuq tmien punti, qed jissuġġerixxi wkoll tibdil fis-sistema ta’ dixxiplina tal-futbol inkluż l-introduzzjoni ta’ “karta oranġjo” li permezz tagħha plejer ikun temporanjament imkeċċi kif ukol tibdil fil-‘kastig tripplu’ ta’ karta ħamra, penalty u s-sopensjoni għal fawl bħala l-aħħar raġel.