Għandha ssir distinzjoni bejn art agrikola li tiġi stuprata b’bini għall-ispekulazzjoni, u l-bżonnijiet ġenwini ta’ bidwi jew raħħal li jitlob żvilupp f’zoni ODZ b’rabta ma’ strutturi f’għelieqi, serer, art għall-użu agrikolu kif ukoll ħitan tas-sejjieħ.
Dan jikkontradixxi bi sħiħ mal-fatt li għalkemm dawn il-policies suppost kienu mfassla għall-bdiewa u r-raħħala, ingħata aktar lill-ispekulatur milli lill-bidwi ġenwin.
Dan iddikjarah id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina meta tkellem fil-Parlament dwar il-voti tl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ikkritika li hemm wisq dewmien fil-proċess neċessarju biex jinkiseb permess għall-bdiewa u r-raħħala għal żvilupp relatat mal-agrikoltura fir-raba’ jew razzett.
Policy b’diversi restrizzjonijiet
Tkellem ukoll dwar il-policy li tirregola żvilupp għar-raħħala u fisser kif din tagħmel diversi restrizzjonijiet. Fisser li meta tqis l-avvanzi fl-agrikoltura illum, 60 metru kwadru ta’ bini għall-imħażen agrikolu lil min għandu ‘l fuq minn 46 tomna raba’, huma ristrettivi wisq.
Appella lill-Gvern jaħdem mal-Oppożizzjoni fuq l-emendi neċessarji kif jiġi ikkalkulat l-ispazju neċessarju biex bidwi jkollu fejn jaħżen il-makkinarju agrikolu tiegħu. Semma li bdiewa mhux japplikaw għall-fondi Ewropej biex jixtru makkinarju relatat mal-agrikoltura minħabba li m’għandhomx fejn iżommuh.
Titnaqqar l-area disponibbli għas-sajjieda f’Marsaxlokk
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-Marsaxlokk Inner Harbour Area Environment and Development Brief. Ikkritika li b’dan il-pjan qed titnaqqar l-area disponibbli għas-sajjieda u jinjora l-bżonnnijiet tas-sajjied.
L-area ta’ fejn hemm il-Magħluq hekk kif qed tiġi proposta, ma tagħtix lok fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom mal-moll biex ikunu jistgħu jgħabbu u jħottu l-inġenji tas-sajd. M’hemmx maħsub li tiġi riservata zona fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jsewwu jew inadfu l-inġenji tas-sajd.
//= $special ?>