L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton wieġbet għad-domandi li għamlilha kumitat tal-Kungress ta’ Washington rigward l-attakk qattiel li kien seħħ f’Settembru tal-2012 fuq il-Konsulat tal-Istati Uniti fil-belt Libjana ta’ Bengażi.
L-attakk li twettaq minn grupp ta’ militanti kien sewa l-ħajja tal-Ambaxxatur Amerikan Chris Stevens u tliet membri oħra tal-istaff tal-Konsulat.
Clinton kienet suġġetta għal smigħ ta’ 11-il siegħa u assumiet ir-responsabbiltà filwaqt li spjegat li ħadet ħsieb tintroduċi r-riformi dovuti dritt wara l-attakk.
Sadanittant, Clinton ċaħdet li hi m’għamlitx biżżejjed biex tipproteġi l-missjoni Amerikana f’Bengażi, fir-rwol tagħha bħala Segretarju tal-Istat.
Minkejja li l-kumitat mexxa erba’ sessjonijiet konsekuttivi li trattaw l-attakk, dawn ftit żvelaw informazzjoni ġdida. Min-naħa tagħha, Clinton baqgħet kalma waqt numru ta’ battibekki li nqalgħu bejn ir-Repubblikani u l-alleati tagħha tal-Partit Demokratiku.
Id-Demokratiċi qabblu l-interrogazzjoni ta’ Clinton quddiem kumitat immexxi mir- Repubblikani ma’ ‘kaċċa’ bl-intenzjoni li ssirilha ħsara massima. Clinton hi l-favorita li tikseb in-nomina tal-Partit Demokratiku biex, is-sena d-dieħla, tikkontesta f’ismu għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
//= $special ?>