Lokali

Hilltop Gardens fin-Naxxar fi stadju avvanzat

Il-villaġġ lussuż ta’ rtirar Hilltop Gardens fin-Naxxar jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jitlesta x-xahar id-dieħel. Il-villaġġ, li se jsir b’investiment ta’ 43 miljun ewro, se jkun qed jintroduċi kunċett ġdid ta’ rtirar f’Malta u se jkun aktar avvanzat mir-residenzi li hawn fil-pajjiż bħalissa.

L-imprenditur u President ta’ AX Holdings Anġlu Xuereb u l-Kap Eżekuttiv tal-villaġġ Jacqueline Camilleri tkellmu dwar il-viżjoni wara dan il-proġett, li jinkludi 133 appartament u penthosues ta’ lussu mifruxa fuq 17,000 metru kwadru, kollha mdawra b’veduti u żoni ambjentali.

Il-villaġġ se jkun qed joffri kunċetti ġodda fejn, minflok ma l-familjari jmorru fir-residenzi biex joħorġu lill-anzjani tagħhom, ikunu l-anzjani li jistiednu lill-familjari fil-villaġġ għax dan fih innifsu hu esperjenza.

Il-kunċett tal-villaġġ hu mibni fuq servizzi personalizzati lill-anzjani li jagħżluh għall-irtirar tagħhom. Is-servizzi offruti mhux se jkunu l-istess għal kulħadd, iżda se jkunu offruti skont il-ħtiġijiet personali tal-individwu.

Il-faċilitajiet li joffri l-villaġġ jinkludu ċentru tal-fitness, librerija, kappella, ristrorant, kamra tal-billiard, ċentru tas-snajja, sala għal attivijiet diversi, pixxina, żoni ta’ logħob għat-tfal u diversi servizzi oħra, li għandhom l-iskop li jagħmlu l-ħajja tal-anzjan waħda normali bħal dik li kien jgħix fiha fil-komunità.