Għall-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC), il-Budget 2016 hu wieħed sodisfaċenti, fost l-oħrajn għall-fatt li l-budget tal-Kunsill ġie miżjud b’mod sostanzjali biex il-BICC ikun jista jilqa’ għall-isfidi li se jġibu magħhom l-inzjattivi li se jiġu mplimentati matul is-sena d-dieħla.
Dan qalu l-Bord tal-BICC fi stqarrija fi tmiem laqgħa, li matulha ġew diskussi l-miżuri tal-Budget ippreżentat il-ġimgħa li għaddiet. Il-BICC qal li nnota wkoll b’sodisfazzjon li l-Gvern iddeċieda li jinkludi fil-budget il-miżura proposta mill-BICC biex jitħaffef il-proċess ta’ trasferiment ta’ propjetà li tkun ġejja minn wirt. Din il-proposta hi maħsuba biex tindirizza waħda mir-raġunijiet għaliex propjetà tibqa’ vojta.
Il-Bord tal-BICC qal li hu favur il-miżuri mħabbra mill-Gvern biex jiġu rregolati aħjar binjiet kummerċjali abbandunati, kif ukoll favur il-miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-boll għal dawk li jixtru l-ewwel dar għal residenza tagħhom. Qal li l-Gvern qed jimpenja ruħu biex jiġu riġenerati diversi żoni f’pajjizna, b’mod partikolari n-Nofsinhar ta’ Malta u l-inħawi tal-Port il-Kbir.
Skont il-BICC il-Gvern qed jagħti għarfien xieraq lill-problemi tat-traffiku, it-toroq u l-parkeġġi f’pajjiżna billi qed jagħmilhom setturi ta’ prijorità ta’ investiment. Fl-istess waqt, innota wkoll li l-Gvern għandu r-rieda wkoll jindirizza problemi soċjali, b’mod partikolari dawk tal-housing.
Il-Bord tal-BICC qal li dan hu Budget li, bil-miżuri li tħabbru, se jkompli jgħin l-iżvilupp sostensibli tas-suq tal-propjetà, kif ukoll l-industrija tal-kostruzzjoni. Qal li hu Budget li jagħti spazju wiesgħa lil inizjattivi privati billi jinkoraġġixxi l-investiment fl-infrastruttura, f’diversi proġetti kapitali u fil-propjetà.
Il-Bord spjega li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jiddiskuti diversi temi oħrajn tal-Budget biex iressaq proposti konkreti dwar il-propjetà abbandunata, kif ukoll il-problemi tat-traffiku u inizjattivi għall- industrija tal-bini aktar sostenibbli bħala parti mill-Ekonomija Ħadra u Circular Economy.
//= $special ?>