Internazzjonali

Il-Messiku jistenna l-impatt ta’ Uragan ‘Patricia’

L-awtoritajiet fil-Messiku bdew jevakwaw ir-residenti qabel kellu jolqot l-aktar uragan qawwi qatt irreġistrat fir-reġjun. L-aħħar rapporti qalu li Uragan Patricia kien qed javvanza lejn l-inħawi tal-Messiku li jmissu mal-kosta tal-Paċifiku, u l-awtoritajiet lokali qed jistennew ewwel impatt katastrofiku.

L-uragan inkwistjoni qed jitqabbel mat-Tifun Haiyan li fl-2013 kien qatel 6,300 persuna fil-Filippini. Dan qalitu l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija. Diversi stati Messikani li mistennija jintlaqtu minn ‘Patricia’ ddikjaraw stat ta’ emerġenza minn sigħat qabel.

L-uragan ta’ kategorija ħamsa mistenni jiġġenera rwiefen b’veloċità ta’ 325 kilometru fis-siegħa.

In-National Hurricane Center tal-Istati Uniti wkoll qal li l-Uragan Patricia għandu jħalli warajh ‘baħar ta’ straġi’ waqt li jistenna li l-maltemp dovut se jkun l-agħar li qatt laqat iz-zoni tal-Paċifiku lejn il-Lvant u daqstant ieħor ir-reġun tal-Atlantiku.