Il-Pulizija fl-Iżvezja li qed tinvestiga l-attakk tal-Ħamis fi skola ta’ Trollhattan qalet li kien hemm skop razzista min-naħa tal-aggressur responsabbli li spiċċa joqtol għalliem u student, filwaqt li ħalla xi midruba fl-inħawi.
Il-pulizija intervjeniet minuti wara l-attakk fejn sparat tiri lejn l-aggressur li swewlu fatali. Il-qattiel – żgħażugħ ta’ 21 sena – miet l-istpar mill-ġrieħi li ġarrab u l-istampa Żvediża, issa, qed tgħid li hu kellu s-simpatiji mal-gruppi tel-lemin estremisti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Pulizija Żvediża qal li huma ‘bbażaw il-konklużjonijiet’ fuq dak li (il-pulizija) kienu sabu fl-appartament tal-qattiel kif ukoll mill-‘komportament irrappurtat taż-żgħażugħ’ waqt li kien qed jitterrorizza lill-istudenti fl-iskola, li tinsab qrib il-belt ewlenija ta’ Gothenburg.
L-aggressur kien daħal l-iskola armat b’xabla waqt li mgħammad u liebes elmu simili għal tas-suldati Nażisti ta’ żmien it-Tieni Gwerra. Qabel l-istraġi, iż-żgħażugħ anki kien ippoża ma’ studenti tal-iskola li ħasbuh kien liebes kostum tal-Halloween.
Min-naħa tagħha, il-pulizija qed tinsisti bit-teorija tar-razziżmu. Fil-fatt kelliema għall-awtoritajiet qalu li ‘dan kien delitt ta’ mibgħeda xprunat mir-razziżmu, fost indikazzjonijiet li l-aggressur kien għażel il-vittmi skont il-kulur tal-ġilda’.
L-aggressur, li spiċċa jdur minn klassi għal oħra fl-iskola ta’ Trollhattan, spiċċa joqtol lill-għalliem u l-istudent b’daqqiet ta’ xabla. Żewġ persuni oħra – għalliem u student – spiċċaw midruba fl-istess attakk li xxokkja bil-kbir lill-Iżvezja.
Il-Pulizija ma żvelatx isem il-qattiel għalkemm il-gazzetta Żvediża Expressen u sezzjonijiet oħra tal-istampa ‘identifikawh’ bħala Anton Lundin Pettersson.
Mifhum li l-aggressur kien residenti fil-belt ta’ Trollhattan u ma kellux rekord kriminali.
//= $special ?>