Internazzjonali

Ir-Russja temmen fit-taħditiet ‘għal soluzzjoni fis-Sirja’

Ir-Russja insistiet li għandhom isiru taħditiet bejn il-Gvern tas-Sirja u ‘l-ispektrum sħiħ’ tal-Oppożizzjoni fl-artijiet Sirjani.

Il-Gvern Russu hu wieħed mill-akbar alleati tal-President Sirjan Bashar al-Assad u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov qed iħeġġeġ sforzi ‘aktar intensivi’ lejn soluzzjoni politika għall-gwerra ċivili tas-Sirja li ilha għal kważi ħames snin.

Lavrov kien qed jitkellem waqt laqgħa, fi Vjenna, bejn ir-rappreżentanti tar-Russja, it-Turkija, l-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti. L-aħħar tliet pajjiżi huma avversarji kbar tar-reġim immexxi minn Assad.

Nhar il-Ħamis il-President tar-Russja, Vladimir Putin, issuġġerixxa li l-Gvern tas-Sirja jista’ jkun lest biex jaħdem flimkien ma’ ċerti gruppi ta’ ribelli kontra l-militanti tal-ISIS. Putin spjega li Assad innifsu kien ‘qabel dwar l-idea’ waqt żjara riċenti f’Moska.