Internazzjonali

Is-Slovenja tikkunsidra ‘ħajt mal-fruntiera’

L-awtoritajiet fis-Slovenja qed jikkunsidraw li jibnu ħajt mal-fruntiera biex irażżnu l-influss kontinwu tal-eluf ta’ refuġjati u immigranti lejn it-territorji tagħhom.

Fl-aħħar sigħat, aktar eluf ta’ immigranti qasmu mill-Kroazja għas-Slovenja li ilha tipprovdilhom l-aċċess ewlieni lejn iz-zona Schengen (li tippermetti moviment ħieles fl-Ewropa mingħajr il-ħtieġa ta’ passaporti) mindu l-Ungerija ħadet passi biex tagħlaq il-fruntieri tagħha.

Sadanittant, mal-5,000 immigrant li huma biss parti mill-mewġa kbira ta’ nies li qegħdin jaqsmu mir-reġjun tal-Balkani lejn l-Ewropa tal-Punent qattgħu l-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa fl-inħawi tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kroazja, filwaqt li batew sigħat sħaħ ta’ kesħa kontinwa huma u jistennew biex ikomplu bil-vjaġġ.

Fl-istess ħin, mijiet ta’ immigranti oħra kienu evakwati minn skola fi Franza fejn kienu ilhom alloġġjati mis-sajf u twasslu bix-xarabank lejn diversi xelters fil-pajjiż.