Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta kienu msejħa biex jassistu wieħed mill-jottijiet li qed jieħdu sehem fir-Rolex Middle Sea Race.
Dan wara li membru tal-ewkipaġġ tas-sailing boat DU4 sofri minn xi ġrieħi f’rasu.
Minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u l-baħar qawwi ma setgħetx issir evakwazzjoni medika tal-pazjent u ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Armata baqa’ f’kuntatt mal-jott li beda triqtu lura lejn Malta. F’mument minnhom il-jott ukoll iltaqa’ ma’ xi problemi tant li fuq struzzjonijiet tal-AFM bastiment tal-merkanzija flimkien ma’ jott ieħor li kienu fil-viċinanzi ntlabtu jassistu lill-jott f’diffikultà.
Dan sakemm waslet fil-post – madwar 30 mil nawtiku ’l barra minn Malta – il-patrol boat P61 u fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu bdiet ħidma biex il-jott li fuqu kien hemm il-pazjent midrub jinġibed lejn l-art biex tkun tista’ ssir l-evakwazzjoni medika.
Fil-ħidma kienu involuti wkoll il-lanċa tat-tiftix u s-salvataġġ Melia II kif ukoll ħelikopter tal-Missjoni Militari Taljana li niżel il-Marfa bħala prekawzjoni.
Malli l-P61 u l-jott rabtu mal-moll fil-Marfa, il-pazjent ingħata l-ewwel kura fil-post qabel ma ġie trasferit lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Ambulanza oħra ħadet lejn l-isptar żewġ membri oħra tal-ewkipaġġ li wkoll sofrew xi ġrieħi.
//= $special ?>

