Żagħżugħ tilef ħajtu, u tliet persuni sfaw feruti konsegwenza ta’ sparatura li seħħet fl-inħawi tal-Università tal-Istat ta’ Tennessee li tinsab fil-belt ta’ Nashville.
Il-pulizija f’Nashville qalu li l-vjolenza kienet dovuta għal tilwima li nqalgħet matul il-lejl tal-Ħamis bejn persuni li kienu qed jilagħbu d-dammi.
Hu mifhum li l-isparatura seħħet wara li grupp ta’ persuni ġew fl-idejn f’bitħa tal-università, bir-riżultat li nqatel ġuvni ta’ 19-il sena. Tliet studenti tfajliet li nzertaw għaddejjin mill-inħawi spiċċaw feruti minħabba l-isparar.
Ma jidhirx li kien hemm theddida speċifika għall-istudenti li dak il-ħin kienu fid-dormitorji jew fi bnadi oħra tal-kampus.
L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija rkupraw il-pistola li ntużat fid-delitt fl-Università ta’ Tennessee. Dan fost tfittxija intensiva għas-suspettati li mhumiex studenti u li x’aktarx kienu mitlufin fil-logħob tal-azzard li seta’ wassal għall-qtil taż-żagħżugħ.
//= $special ?>