Fi stqarrija b’reazzjoni għall-inizjattiva li ħabbar il-Gvern fil-Baġit 2016 dwar il-ħolqien tal-kunċett ta’ hub konċentrat f’San Pawl tat-Tarġa għall-persuni b’diżabbiltà, l-Alternattiva Demokratika qalet li filwaqt li taqbel mal-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fil-komunità, ma taqbilx mal-ħolqien ta’ hub.
L-AD qalet li taqbel ma’ Joe Camilleri, l-eks-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD), li l-viżjoni f’dan il-qasam għandha tkun dik ta’ integrazzjoni fil-komunità u mhux segregazzjoni ta’ dawn in-nies mill-bqija tas-soċjetà – ikun kemm ikun sabiħ u lussuż il-hub. “Post in-nies b’diżabbiltà hu fil-komunità u mhux maqtugħin għal rashom, anke jekk ikunu f’ambjent tad-deheb”, qalet l-AD.
Min-naħa l-oħra, iċ-Chairperson tal-Alternattiva l-Professur Arnold Cassola, li ffirma l-istqarrija, laqa’ l-ftuħ, din il-ġimgħa, tad-dar residenzjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali fiċ-ċentru tas-Siġġiewi fuq inizjattiva tad-Dar tal-Providenza. L-AD laqgħet ukoll id-disa’ djar oħra tal-istess tip li huma ppjanati għall-futur qarib u qalet li dan hu proġett ta’ fejda għal kull min jemmen fil-kunċett ta’ għajxien awtonomu (independent living), u huwa tajjeb li l-Gvern jibqa’ miexi f’din it-triq.
Min-naħa tagħha l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà fi stqarrija separata li ħarġet qalet li talbet aktar dettalji dwar il-miżura tal-hub imħabbra fil-baġit u ġiet infurmata li dan il-proġett se jinkorpora fih is-servizzi li llum huma mifruxin b’mod sparpaljat u li b’hekk se jiġu ċentralizzati.
Għaldaqstant il-KNPD iddikjarat li qed tilqa’ din l-inizjattiva għax se tfisser li dawn is-servizzi se jkunu qed jingħataw fil-qalba tal-komunità flimkien ma’ stabbiliment kummerċjali u faċilitajiet oħrajn, u qalet li dan il-kunċett ġdid se jwassal biex il-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom jinqdew b’inqas skariġġ għalihom milli għandhom illum.
Il-KNPD faħħret ukoll it-tnedija tal-istandards għas-servizzi residenzjali li tħabbru dan l-aħħar u fakkret fl-importanza tat-twaqqif tal-uffiċċju tal-Guardianship, li għandu jiffoka fuq id-dritt tal-persuna li jkollha min jassistiha fid-deċiżjonijiet tagħha.
Iċ-Chairperson tal-KNPD Oliver Scicluna sejjaħ għal aktar serenità fis-settur tad-diżabbiltà u anke biex ikun hemm aktar djalogu mal-partijiet kollha involuti f’dan is-settur.
//= $special ?>


