Lokali Parlament

Malta għandha tieħu rwol aktar attiv għal ftehim fil-Libja

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech appella lill-Gvern jagħmel sforz akbar fil-kwistjoni tal-Libja u jieħu rwol aktar attiv biex jintlaħaq ftehim ta’ unità nazzjonali li jkabbar is-sigurtà fil-Mediterran.

Meta tkellem dwar il-politika barranin tal-Gvern fid-dibattitu dwar il-Baġit, Tonio Fenech qal li l-komunità internazzjonali tinsab f’diffikultà dwar lil liema Gvern għandha tirrikonoxxi. Il-mod kif imxiet Malta, b’xiehda ċara ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ popli, tista’ tagħti kontribut aktar minn pajjiżi oħra li daħlu fil-kwistjoni wara li nqala’ n-nuqqas ta’ qbil.

Rapporti li Malta qed tintuża biex jgħaddu armamenti lejn il-Libja
Tonio Fenech esprima t-tħassib dwar rapporti fil-media internazzjonali li Malta qed tintuża biex minnha jgħaddu armamenti lejn il-Libja. Hu sejjaħ lill-Ministru biex jara x’hemm wara dawn ir-rapporti għaliex huma rapporti li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Meta rrefera għall-immigrazzjoni irregolari, Tonio Fenech qal li hu ta’ sodisfazzjon li din il-kwistjoni saret ta’ importanza għall-UE, wara li aktar pajjiżi issa qed jintlaqtu. Tonio Fenech appella li anke jekk mhux il-pajjiżi kollha qed jaqblu dwar il-ftehim milħuq biex il-piż jinqasam, l-UE għandha tinsisti li dan il-ftehim ikun onorat.

Mhix toħroġ informazzjoni biżżejjed dwar iċ-CHOGM f’Malta
Dwar il-laqgħa taċ-CHOGM, Tonio Fenech qal li għad mhix toħroġ informazzjoni biżżejjed dwar x’qed jistenna l-Gvern li joħroġ minn din il-laqgħa.

Tonio Fenech tkellem ukoll dwar il-ħatriet tal-Ambaxxaturi u qal li filwaqt li mhux kontra li jkun hemm political appointments m’għandux ikun hemm żbilanċ estrem li jtellef l-interess f’min irid isegwi l-karriera diplomatika.

Sai Mizzi u l-kuntratti mas-SOCAR
Tonio Fenech tkellem ukoll dwar il-ħidma ta’ Sai Mizzi f’Shanghai li f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Oppożizzjoni, kienet iddeskriviet lilha nfisha u l-ħidma tagħha bħala salesgirl li tiffaċilita l-kuntatti ma’ Malta.

Tonio Fenech staqsa jekk il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hux qed ikun involut fil-kuntratti internazzjonali li għandhom effett anke fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżna, fosthom il-ftehim mas-SOCAR, mal-Electrogas, mal-Autobuses de Leon fost oħrajn.