Kurżitajiet

Mar għand “tax-xorti”u ammetta li qatel lil sieħbu

Raġel fir-Renju Unit ammetta li kien qatel lil sieħbu meta mar għand mara li taqra x-xorti.

Star Randel-Hanson, ta’ 49 sena, qatel b’sikkina lir-raġel li miegħu kien jgħix f’appartament, Derick Marney, ta’ 70 sena, u ħalla l-ġisem kollu dmija bis-sikkina b’kollox, moħbi fl-appartament stess. Ammetta u rrakkonta kollox lil mara li taqra x-xorti meta ftit jiem wara l-inċident, żar il-ħanut ta’ din il-mara li f’ħin minnhom qalbet il-karta bis-simbolu tal-mewt.

Kien dan il-ħin li l-mara ċemplet lill-Pulizija fuq il-linja tal-emerġenza imma meta qaltilhom ir-raġuni tat-telefonata, min wieġeb it-telefon qalilha li kellha ċċempel fuq numru ieħor għax dik ma kinitx emerġenza.

Fil-Qorti, Randel-Hanson qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil u qed jinsisti li laqtu bi żball bis-sikkina hu u jdur bis-sikkina f’idu. Il-Qorti semgħet kif iż-żewġt irġiel kienu jgħixu flimkien, u kienu jaqsmu anke l-istess sodda għalkemm l-akkużat ċaħad li kienu sieħba ta’ xulxin. Il-vittma kien stieden lill-akkużat jibda jgħix miegħu, sentejn ilu, għall-kumpanija. L-akkużat ammetta li l-vittma kemm-il darba għamel avvanzi sesswali fil-konfront tiegħu u abbuża minnu tliet darbiet.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Randel-Hanson mar għand il-mara li taqra x-xorti, li hekk kif bdiet taqleb il-karti magħżula minnu wiċċhom ’il fuq indunat li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu u li r-raġel kien se jikxef xi ħaġa importanti. Il-mara kienet qalet lill-Pulizija li meta hi kixfet il-karta bl-istampa tal-mewt, insistiet mar-raġel li jirrakkuntalha kollox u kien hemm li ammetta li kien qatel lill-vittma.

Il-mara qalet ukoll li hi żammet lill-akkużat madwar 55 minuta bil-kliem u tiċċajta miegħu sakemm waslu l-Pulizija li arrestawh.