Lokali

Marlene Farrugia tikkritika lill-Gvern fuq il-meritokrazija

Tappella biex il-gvern jibda paġna ġdida u tistaqsi jekk it-tmexxija hix f’idejn erba’ minn Kastilja

Id-deputat Laburista Marlene Farrugia kkritikat lill-gvern dwar il-meritokrazija u staqsiet jekk id-deċiżjonijiet huma jittieħdu minn erba’ min-nies mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru; nies li m’huimex maħtura mill-poplu iżda appuntati.
Id-deputat Laburista Marlene Farrugia lbieraħ kienet waħda mill-kelliema fid-diskussjoni parlamentari li trattat il-voti tal-uffiċċju tal-prim Ministru, li jinkludu fost l-oħrajn ilMEPA, id-Dipartiment tal-Artijiet u l-buokrazija. Fid-dibattitu tkellmu ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u d-deputati Anthony Agius Decelis u Joe Sammut.

Id-deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li jekk saru żbalji fl-aħħar sentejn u nofs, il-gvern issa għandu jaqleb il-folja jkun kontibbli u trasparenti. Sentejn u nofs ilu l-poplu vvota għall-bidla. Waħda mill-affarijiet li għarrqet il-Gvern Nazzjonalista kienet il-MEPA, li kienet mażżra ma’ għonq dak li-gvern.

Id-deputat Laburista qalet li l-gvern għandu jieħu r-riedni f’idejh biex min studja u hu leali lejn il-pajjiż ikun jista’ jwettaq. Hi appellat biex il-gvern imexxi b’eżempju u juri lill-ħaddiem li mhux qed ipoġġi butu jew il-partiġġjaniżmu fuq quddiem.

Marlene Farrugia tkellmet dwar il-burokrazija, li hi l-aktar settur li qed ittellef l-ekonomija u toqtol il-motivazzjoni. Id-diversi żbalji li saru jista jkun li saru minħabba li kien min mexxa l-affarijiet bla ma kien hemm bilanċ. Dan jista’ jwassal għall-korruzzjoni, sostniet Marlene Farrugia, li kompliet li ċertu verifiċi jridu jsiru.
Id-deputat Laburista qalet li l-istudenti qed ikunu motivati minħabba li min qed jistudja qed jispiċċa jitwarrab biex floku jitpoġġew persuni li jkunu appuntati mill-politiċi.

Dwar il-każin tal-Labour tas-Siġġiewi, Marlene Farrugia qalet li kieku l-PL staqsa lis-Siġġiwin jekk iridux li d-dar okkupata mill-każin tibqax każin jew issirx dar għall-anzjani.

Hi staqsiet jekk il-PL kellux flus biex jikri kamra fis-Siġġiewi bħala każin flok jibqa’ jżomm id-dar. Hi offriet il-paga tagħha biex dan isir biex il-post llum okkupat mill-każin Laburista tas-Siġġiewi ma jibqax għand il-PL iżda ssir jsir għall-anzjani fil-proġett tal-Kunsill Lokali Siġġiewi.

Min qed imexxi….erba’ min nies maħtura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? irrimarkat Marlene Farrugia, li kompliet li l-ODZ għandhom jibqgħu ODZ biex jibqgħu l-wirt ambjentali tal-poplu. Il-Gvern irid ikun kredibbli fl-aġir tiegħu, sostniet Marlene Farrugia, li kompliet li l-poplu għandu jkun ċert li jkollu istituzzjonijiet indipendenti mill-partiti politiċi li joperaw indipendentament mill-politika.