Lokali Parlament

Meħtieġa professjonisti għall-ispezzjoni u ċertifikazzjoni tal-proprjetà

Jekk il-banek se jibdew jinsistu aktar li kull binja li tinbiegħ u tinkera jrid ikollha l-energy efficiecy certification, għandna bżonn aktar periti li jkollhom din iċ-ċertifikazzjoni u aktar spezzjonijiet biex jiġu evitati problemi u inċidenti.

Dwar il-ħtieġa ta’ professjonisti mħarrġa biex jiċċertifikaw il-binijiet, tkellem dalgħodu fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea fid-dibattitu dwar il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Drittijiet tal-Kosumatur.

Ċensu Galea tkellem dwar il-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini, u x-xogħol importanti marbuta mal-build up skills u l-iskills card u dan biex nirresponsabbilizzaw aktar is-settur tal-kostruzzjoni fejn isiru l-aktar inċidenti u mwiet fil-post tax-xogħol. Fisser li dawn mhumiex restrizzjonijiet iżda miżuri għas-sigurtà tal-persuna u minkejja l-isforzi kollha li saru tul is-snin, xorta għadna naraw ċirkustanzi li min qiegħed fuq ix-xogħol ma jifhimx u ma jagħrafx li qed jissogra li jitlef ħajtu.

Semma wkoll realtà oħra li minbarra l-ikbar inkwiet tal-familjari tal-vittma ta’ inċident fil-post tax-xogħol, hemm persuni oħrajn li skont il-liġi huma responsabbli mingħajr ma jistgħu jkunu preżenti fuq is-sit tal-kostruzzjoni, bħalma huma d-direttui tal-kumpaniji u sidien tas-sit tl-kostruzzjoni

Appella lill-Kunsill Konsultattiv jikkollabora mhux biss mal-MCAST fil-korsijiet iżda wkoll mal-Building Regulations Office fejn m’hemmx kollaborazzoni biżżejjed biex jidentifkaw oqsma ta’ taħriġ u livell professjonali.

Aktar nies iridu jersqu lejn it-Tribunal għall-Konsumatur
Tkellem ukoll dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u appella għal aktar proattività b’inizjattivi qabel ma jibdew l-ilmenti mill-konsumatur. Ħeġġeġ lill-Awtorità tindirizza s-sitwazzjoni ta’ numru ta’ lifts li mhumiex ċertifikati, u taħdem aktar mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur li għandu mhux biss jaqdi lil barranin iżda wkoll lil Maltin biex isiru jafu aktar fuq id-drittijiet tagħhom fi żmien meta żdied is-safar u l-online shopping.

Irrifera wkoll għall-bżonn dejjem aktar li l-għaqda tal-konsumatur tkun b’saħħitha, u dwar il-ħtieġa li aktar konsumaturi jersqu lejn it-Tribunal għall-Konsumatur u li jaddotta miżuri għal min jibqa’ jinsisti li għandu raġun meta jkollu tort.

Preżenza ta’ mediċinali b’lingwi li ma jinftehmux
Ċensu Galea tkellem ukoll dwar l-Awtorità tal-Mediċini u l-preżenza ta’ mediċinali f’pajjiżna li qed jispiċaw f’postijiet pubbliċi u għandhom l-ispjega tal-mediċina b’lingwa li ma tinftihemx mill-akbar numru ta’ nies possibbli.

Nammettu r-realtà li rridu naħdmu għall-integrazzjoni fis-soċjetà
Tkellem ukoll dwar realtà oħra, f’pajjiżna, bħal f’San Pawl il-Baħar, li fiha jeħtieġ ħidma għal integrazzjoni tal-komunità. Semma li xi snin ilu kien hemm diġà 103 nazzjonalità. Realtà oħra hi ta’ residenti li qed jagħżlu li jgħixu f’San Pawl il-Baħar mil-lokalitajiet kollha ta’ Malta.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li din ir-realtà ġġib bżonnijiet u ħtieġa ta’ ħafna ħidma soċjali għal aktar integrazzjoni soċjali.
Saħaq li biex nagħmlu dan, irridu l-ewwel nammettu din ir-realtà. Irrimarka li l-aħjar mod kif nimxu ‘l quddiem hu li l-ġirien jaċċettaw lil xulxin bl-implikazzjonijiet kollha li sitwazzjoni bħal din tista’ ġġib magħha.