Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli ddikjara li f’pajjiżna u fis-soċjetà tagħna għandu jkun projbit l-ilbies li jgħatti l-wiċċ kollu jew ilbies simili għaliex il-liġijiet huma ċari u t-tradizzjoni li qed tiġi impurtata f’pajjiżna taħt l-iskuża tal-libertà, m’għandha tipprovdi ebda eżenzjoni għall-eċċezzjonai tal-liġi.
Iddikjara wkoll meta kien qiegħed jitkellem fil-Baġit dwar il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, li din il-projbizzjoni għandha ssir illum meta n-numru ta’ dawn il-persuni huma żgħar.
Semma li meta qed jiġi ttimbrat f’moħħ in-nes li qed tħossha mhedda u appella biex nibdew naħsbu b’mod serju mingħajr ebda forma ta’ fundamentaliżmu, dwar x’tip ta’ integrazzjoni rridu nintroduċu fis-soċjetà tagħna.
Irridu naraw ukoll pajjiż oħrajn li fallew f’din l-integrazzjoni u dan biex ma nallarmawx in-nies bħalma n-nies qed jaraw komunitajiet jikbru, għal raġunijiet differenti, fil-Marsa, f’Tignè u f’Tas-Sliema.
Clyde Puli saħaq li jekk Frannza applikat din il-projbizzjoni, li ġiet konfermata wkoll fil-Qorti Ewropea, m’hemm ebda argument ieħor li għandu jżommna li nieħdu l-passi li hemm bżonn.
Spjega li jemmen li dan għandu jsir għax il-komunità għandha dritt li tipproteġi l-valuri għeżież għaliha, u għaliex ma jistax ikollok ġustizzja soċjali mingħajr drittijiiet u ugwaljanza.
Appella biex il-ġid komuni ma jitkejjilx biss bi flus għax inmermru l-bażi tas-soċjetà. Il-drittijiet u dimiriet huma importanti iżda dan irid isir b’direzzjoni li nkunu nafu fejn se naslu.
Spjega li filwaqt li ħadd ma jista’ jsuq karrozza bi ħġieġ li l-persuni fiha ma jingħarfux, ilbies li jgħatti l-identità u l-wiċċ ta’ persuna lanqas m’għandu jkun tollerat għaliex dan hu simbolu wkoll simbolu ta’ theddida għas-sigurtà. Fisser ukoll li mhux il-politiku li qajjem paniku morali dwar dan l-aspett fil-ħajja tas-soċjetà tagħna iżda kienu n-nies li bdew jitkellmu. Hu għalhekk li l-politiku qegħed jitkellem.
Clyde Puli tkellem ukoll dwar l-ugwaljanza u l-esklużjoni soċjali u rrimarka dwar ironija li l-Partit Laburista mill-Oppożizjzoni kellu wiegħda li jeqred il-faqar u llum il-faqar materjali żdied, iżda ma kelllu ebda wieħda li jippromovi drittijiet ċivili ġodda b’dan il-mod u dawn waslu.
Irrikonoxxa li kien hemm avvanzi importanti fid-drittijiet lil-LGBTIQ, bil-Gvern issa jgħid li qiegħed fuq quddiem nett fl-UE.
Appella lill-Gvern biex iżomm u jirrispetta lill-għaqdiet mhux governattivi mingħajr ebda mossa biex innaqqsu l-effettività tagħhom. Filwaqt li hu tajjeb li tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-Malta Community Chest Fund għax-xogħol kbir li twettaq, dan m’għandux isir askapitu ta’ NGOs oħrajn għax tonqos l-għajnuna lilhom.
//= $special ?>