Lokali

Sitwazzjoni diffiċli fis-Sigurtà u l-Intern – il-PN

Is-sitwazzjoni tas-Sigurtà u tal-Intern hi waħda diffiċli, ikkaġunata minn deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern li wasslu għal erba’ Kummissarji tal-Pulizija f’sentejn u nofs, skandli kbar f’Identity Malta, sensiela ta’ serq minn lokalitajiet, inġustizzji fil-Forzi Armati ta’ Malta u falliment fil-Korp tal-Pulizija.

Dan is-settur kien trattat waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech.

Beppe Fenech Adami qal li l-poplu qed jistenna risposti immedjati dwar il-kważi 6,800 visa li l-Konsulat Malti fl-Alġerija ħareġ għal ċittadini Alġerini. Dawn qed jinħarġu meta fid-dinja hawn kriżi internazzjonali u moviment ta’ terroristi.

Jirrizulta li wara li jaslu Malta, l-Alġerini qed imorru immedjatament fl-Ewropa, tant li l-ajruplani lura minn Malta għall-Alġerija qed imorru vojta. Dan il-każ għandu jkun ikkunsidrat ukoll fil-kuntest tat-13,800 visa li nħarġu għal-Libjani u r-Russi fl-aħħar sentejn u nofs.

Dwar il-kriminalità fil-pajjiż, Beppe Fenech Adami qal li f’disa’ xhur seħħew 3,448 serqa minn sitt lokalitajiet, b’1,806 minnhom ġraw minn San Ġiljan. Fl-istess waqt, fil-Korp tal-Pulizija hemm sens ta’ dimotivazzjoni, li qed twassal biex numru kbir ta’ Pulizija qed jitilqu mill-Korp.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech tkellem dwar l-immigrazzjoni u qal li l-Gvern bidel il-politika minn waħda ta’ pushbacks għal waħda li fiha issa l-pajjiż se jilqa 200 immigrant addizjonali. Hu appella lill-Gvern biex ikun aktar trasaprenti fil-ħidma tiegħu, filwaqt li sostna li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf jekk hemmx xi tip ta’ ftehim formali bejn il-Gvern Malti u dak Taljan dwar l-immigranti, li għalih Malta qed tpatti b’xi mod jew ieħor.