Seba’ Kickboxers Maltin li kkompetew ma’ atleti barranin rebħu t-taqbidiet, tlieta minnhom rebħu wkoll ċinturini tat-Titli tal-World Kickboxing Network.
It-taqbida ewlenija kienet bejn Brandon “Boġon” Borg ta’ Team Spartans, ma’’ Ungeriż. L-ewwel taqsima kienet kalma hekk kif l-atleti studjaw it-teknika ta’ xulxin. Fit-taqsimiet l-oħra l-Malti kien aktar fuq l-offensiva fejn ħadem aktar lejn ir-ras kemm bil-ponn kif ukoll bir-riġlejn. Wara ħames taqsimiet “Boġon” Borg rebaħ b’deċiżjoni unanima t-Titlu Dinji tad-WKN.
Daniel “the Jet” Zahra ta’ Team Noel, kellu l-unika taqbida professjonali tas-serata kontra Ungeriż ieħor. Iż-żewġ atleti għamlu kontrattakk fuq ieħor u kien fl-aħħar taqsima li Zahra beda jġib il-punti hekk kif beda jolqot lill-Ungeriż f’rasu kemm bis-sieq u bl-irkoppa. Kien ukoll b’deċiżjoni unanima tal-ġurija li “the Jet” Zahra rebaħ it-taqbida.
Keith Azzopardi ta’ Team Spartans, iltaqa’ ma’ avversarju minn Franza. Azzopardi beda jagħfas mill-ewwel lill-Franċiż biex iżommu lura u fit-tieni taqsima l-Malti beda jdaħħal ħafna aktar punti meta beda jaħdem bil-Boxing. B’deċiżjoni unanima mill-ġurija Azzorpardi rebaħ it-taqbida u t-titlu Ewropew tad-WKN.
Clayton Desira ta’ Team Noel, rebaħ it-titlu Internazzjonali tal-Gladiators Promotion. Desira daħal mill-ewwel bl-attakk fuq it-Taljan u bi spinning back fist laqtu f’rasu. B’dan l-attakk it-Taljan spiċċa fuq it-tapit u r-referee għadd sal-għaxra biex Desira rebaħ it-titlu b’KO fl-ewwel taqsima.
L-atleti Maltin l-oħrajn li rebħu kontra atleti barranin kienu Melvin Fenech u Aiden Borg Catania. It-tnejn jitħarrġu ma’ Team Noel u lagħbu fil-K1. Kirstin Brown, ta’ Brown’s Boxing rebaħ l-unika taqbida Boxing tas-serata.
It-taqbidiet l-oħrajn tal-kompetizzjoni ntrebħu minn Team Noel: Christopher Fenech, Bion Uray u Jesred Piscopo, minn Team Spartan: Shaun Falzon, minn New Kickboxing Club: Ryan Cachia, u minn Malta Thai Boxing: Matthew Palcaraz.
//= $special ?>