Lokali Parlament

Tgħajjir u kummenti dispreġjattivi mill-istrangers gallery għad-Deputat Ryan Callus

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus kien fil-mira ta’ tgħajjir u kummenti dispreġjattivi minn xi persuni li kienu fl-istrangers gallery tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Tliet persuni kienu mitluba jħallu l-Kamra tad-Deputati minħabba l-interruzzjonijiet li saru.

Waqt is-seduta parlamentari tal-lum waranofsinhar, li kienet qed tiddiskuti l-voti finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-persuni bdew jgħaddu l-kummenti wara l-intervent tad-Deputat Ryan Callus.

Ftit qabel, id-Deputat Speaker Ċensu Galea kellu jordna lill-ushers tal-Parlament biex ikeċċu tliet persuni ‘l barra mill-istrangers gallery. Madankollu, it-tgħajjir minn dawn il-persuni kompla wara li dawn inħarġu.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Speaker qal li se jkun qed jinvestiga l-inċident.

Fil-bidu tat-tielet seduta tal-lum li bdiet ftit minuti ilu, il-President tal-Kamra Anġlu Farrugia ddikjara li mhux se jittollera ebda mġiba mhux xierqa mill-persuni li jkunu qed isegwu d-dibattitu fil-Parlament mill-istrangers gallary. Iirrimarka wkoll li kull min ikun qiegħed isegwi d-dibattitu fil-Parlament, irid jimxi mar-regolamenti tal-Parlament li ma jittoleraw ebda kumment, approvazzjoni jew diżapprovazzjoni kemm fil-Plenarja kif ukoll fil-bini kollu tal-Parlamernt, u li l-imġiba għandha tkun dejjem korretta.

Filwaqt li qal li s-Sedja se tinvestiga dak li seħħ waranofsinhar, li fissru bħala inaċċettabbli, appella għal imġiba tajba wkoll mill-membri parlametari taż-żewġ naħat tal-Kamra, u li jitkellmu u jaġixxu b’rispett sħiħ.