74% tal-istudenti Għawdxin jaqblu ma’ tunnel bejn Malta u Għawdex
Aktar minn nofs l-istudenti Għawdxin ma jarawx futur ta’ xogħol f’Għawdex tant li jixtiequ jfittxu karrieri f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ minn stħarriġ li sar mill-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG). L-istħarriġ iffoka wkoll fuq il-link bejn Malta u Għawdex, b’74% tal-istudenti Għawdxin jgħidu li jaqblu ma’ tunnel bejn Malta u Għawdex. L-istħarriġ sar fost 326 student.
It-tunnel bħala link bejn Malta u Għawdex kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista u anke kienet fil-Programm Elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali. Madanakollu, fl-aħħar sentejn u nofs, il-Gvern Laburista għażel li jonfoq eluf ta’ ewro fi studju dwar pont bejn Malta u Għawdex.
84% tal-istudenti li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu wkoll li jkunu lesti li jużaw is-servizz ta’ ‘fast ferry service’, b’75% tal-istudenti jgħidu li jixtiequ jaraw li l-Unjoni Ewropea tiffinanzja dan it-tip ta’ trasport.
L-istħarriġ, li sar b’kollaborazzjoni mal-kumpanija PricewaterhouseCoopers (PWC), sab ukoll li 55% tal-istudenti jaħsbu li l-Unjoni Ewropea mhux qed tgħin fil-promozzjoni ta’ Għawdex.
//= $special ?>

