Ambjent Lokali

Il-Front Ħarsien ODZ jinsisti għal iktar skrutinju dwar il-proġett taż-Żonqor

Il-Front Ħarsien ODZ laqa’ d-deċiżjoni tad-Deputat Marlene Farrugia li ssejjaħ laqgħa tal-kumitat ambjentali tal-Parlament sabiex qed jiddiskuti l-għażla tas-siti għall-proġett taż-Żonqor.

Dan wara li l-Front kiteb lid-Deputat Laburista biex issejjaħ din il-laqgħa wara li f’Ġunju li għadda – waqt laqgħa tal-istess Kumitat Parlamentari għall-Ambjent – il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttiġieġ kien impenja ruħu li jippreżenta rapport dwar is-siti li kienu qed jiġu kkunsidrati.

Minn dakinhar, tħabbar li l-Università se tkun maqsuma fuq żewġ siti, wieħed minnhom 18,000 metru kwadru ta’ art barra miż-żona tal-iżvilupp fiż-Żonqor li kellha tkun parti minn park nazzjonali. Il-Front jibqa’ jopponi kull żvilupp fuq art ODZ fiż-Żonqor.

Iżda dan ir-rapport għadu ma tpoġġiex għall-iskrutinju tal-Parlament u tas-soċjeta’ ċivili.

L-istqarrija tkompli l-Front se jibqa’ jinsisti għal trasparenza u skrutinju sħiħ u għaldaqstant, il-Front Ħarsien ODŻ reġa’ sejjaħ għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti li kienu ffirmati mal-investitur Ġordaniż ta’ Sadeen Group.

Il-Front fakkar ukoll li dan il-proġett għadu ma ġiex approvat u jrid jgħaddi minn proċess ta’ approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar u minn studji ambjentali. Il-Front qed jistenna li jkun hemm skrutinju f’kull stadju ta’ dan il-proċess, ittemm l-istqarrija.