Il-MAM tkompli tilmenta dwar il-privatizazzjoni tal-qasam tas-saħħa

It-tibdil propost fl-isptarijiet permezz tal-privatizzazzjoni jista’ jkollu potenzjal negattiv fuq il-livell tal-kura tal-pazjenti kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet ta’ dawk li jaħdmu fil-professjoni medika. Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan waqt il-programm Newsbook fuq l-istazzjon tar-radju RTK.

Id-diskussjoni iffukat fuq it-tilwima industrijali mal-Gvern fuq diversi oqsma tas-saħħa, iżda b’mod partikulari dwar il-privatizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa bħalma hu l-Isptar ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech, l-Isptar San Luqa u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop.

Fost il-ħafna tħassib hemm dak li l-kuntratt tal-privatizazzjoni huwa wieħed twil, u dan mhux biss jista’ jaffetwa it-tobba tal-lum iżda anke t-tobba t’għada.

Martin Balzan qal li huwa veru li naqsu l-waiting list, pero dan it-tnaqqis sar f’żewġ setturi biss hekk kif fil-baġit ma ssemewx il-listi l-oħra tad-dipartimenti l-oħra fejn il-listi ta’ stennija dejjem qed jiżdiedu.

Huwa qal li huwa kaġun li l-Ministeru ma għamel l-ebda investiment f’bosta setturi tas-saħħa u allura dan qed ikompli jikkawża d-dewmien fil-waiting lists.

Dwar it-tilwima industrijali, Martin Balzan qal li l-MAM ma tridx tpoġġi il-ħajjet tal-pazjent fin-nofs għax dik hija xi ħaġa imprezzabli u huwa d-dmir tat-tabib li jħarisha pero huwa d-dmir tal-gvern li jħares l-interessi tat-tobba tiegħu.

F’intervent telefoniku ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Butigieg qalet li l-Gvern għadu ma ppublika xejn minn dak li qed jiġri fid-diskussjonijiet mal-privat. Is-saħħa hija xi ħaġa kruċjali huwa għalhekk li int ma tistax tilgħab magħha.

Hija qalet li l-aktar li qiegħed jikkonċernaha hija s-sitwazzjoni fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Hemm bosta realtijiet li l-Gvern qed ipoġġi quddiem il-pubbliku meta dawn ir-realtijiet huma differenti. ll-ħaddiema fis-settur tas-saħħa m’għandhom l-ebda garanzija li se jibqgħu jaħdmu f’Għawdex u kif ukoll jekk is-servizz mhux se jibqa’ b’xejn.

Dan ifisser li f’Għawdex se jkun hemm żieda fil-Konsum tas-servizz mediku pero hemm ċans li b’hekk ikun hemm nuqqas fil-provista tal-istess servizz mediku.