Internazzjonali

Il-Viċi-President tal-Maldives arrestat dwar ‘kumplott’

Il-Viċi-President tal-Maldives Ahmed Adeeb spiċċa arrestat b’konnessjoni ma’ allegat kumplott kontra l-ħajja tal-President tiegħu, Abdulla Yameen.

Sadanittant, il-Ministeru tal-Intern fil-Maldives qal li Adeeb qed ikun akkużat ‘bl-agħar tip ta’ tradiment’, meta l-pajjiż ilu għal dawn l-aħħar snin mifni bi ġlied politiku.

Il-President Abdulla Yameen salva bi żbrixx meta splużjoni qerdet id-dgħajsa li hu kien qed juża biex jirritorna d-dar mill-ajruport. L-inċident inkwistjoni seħħ ix-xahar li għadda meta Yameen u martu kienu qed jivvjaġġaw lejn Male mill-gżira li sservi bħala bażi għall-ajruport inkwistjoni. Huma kienu għadhom kemm irritornaw pajjiżhom mill-pellegrinaġġ tal-hajj, li jsir kull sena fl-Arabja Sawdija.

L-elezzjoni ta’ Yameen bħala President tal-Maldives ikkaġunat tilwim u battibekki kontinwi fil-pajjiż.

Sadanittant, l-arrest ta’ Adeeb qajjem inkwiet dwar ‘taqlib u kaos potenzjali’, bis-sigurtà tissaħħaħ f’Male; il-belt kapitali tal-Maldives. L-aħħar rapporti rreferew għall-arrest ta’ tliet irġiel oħra li jinkludu eksmembru tas-sigurtà ta’ Adeeb u membru tal-bomb squad tal-Armata.