Internazzjonali

Jinqatlu minn bumbardament f’Benghazi

Il-vjolenza fil-Libja qed tkompli, b’talanqas sitta jinqatlu fost bumbardamenti fuq folla nies fil-belt ta’ Benghazi.

Ir-rapporti qalu li aggressuri li ma kenux identifikati sparaw il-mortars għal fuq in-nies minn distrett ikkontrollat mill-Iżlamiċi, bl-attakk iħalla wkoll għexieren ta’ midruba. Il-folla kienet magħmulha minn mijiet ta’ nies li kienu qed jipprotestaw kontra ftehim għall-paċi propost biex il-Libja jkollha Gvern għall-għaqda nazzjonali.

Il-proposta partikolari, li għandha l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, tirriżulta minn sena ta’ taħditiet bejn il-Parlament ta’ Tripli u l-Amministrazzjoni rivali ta’ Tobruk li tgawdi għarfien internazzjonali.

Il-Parlamenti rivali tal-Libja jridu jivvutaw dwar jekk jaċċettawx il-ftehim, iżda ħafna deputati Libjani diġà qalu ‘le’ għall-pjan inkwistjoni.

Fl-aħħar snin, l-inħawi ta’ Benghazi kienu ddominati minn ġlied qalil bejn militar u diversi brigati u movimenti ta’ milizzji Iżlamiċi. L-entitajiet jinkludu l-grupp Ansar al-Sharia u elementi oħra leali għall-ISIS.