Internazzjonali

Kerry jiltaqa’ ma’ Abbas fost vjolenza kontinwa bejn Iżraeljani u Palestinjani

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry kellu laqgħat, fil-Ġordan, mal-President Palestinjan Mahmoud Abbas bħala parti mill-inizjattiva internazzjonali lejn it-trażżin tal-vjolenza bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani li ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan anki ddiskuta l-kwistjoni mar-Re Abdullah tal-Ġordan, bit-taħditiet isegwu d-djalogu ta’ nofs il-ġimgħa fil-Ġermanja bejn Kerry u l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu.

Sadanittant, inqalgħu inċidenti vjolenti ġodda waqt li kienu għaddejjin it-taħditiet talbieraħ, f’Amman.

F’wieħed minn dawn l-inċidenti, Palestinjan spiċċa maqtul wara li pprova jaggredixxi gwardjan tas-sigurtà li kien għassa ma’ checkpoint fix-Xatt tal-Punent.

Kien hemm ukoll każ fejn raġel Iżraeljan irnexxielu jegħleb aggressur Palestinjan li kien attakkah b’sikkina. L-inċident seħħ qrib il-Belt Antika f’Ġerusalemm tal-Lvant u l-aggressur irnexxielu jaħrab mill-inħawi.

Dawn kienu l-aħħar f’sensiela ta’ azzjonijiet li qed jirrankaw it-tensjoni bejn Iżrael u l-Palestinjani. Kemm ilha għaddejja l-vjolenza, mietu almenu tmien Iżraeljani b’kaġun ta’ attakki kontinwi minn Palestinjani, li fil-parti kbira kienu adolexxenti. Ħafna Iżraeljani oħra spiċċaw feruti f’dawn l-attakki, b’għexieren ta’ Palestinjani (fosthom aggressuri) jitilfu ħajjithom taħt idejn il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani.

L-attakki konsistenti qegħdin jispikkaw f’Ġerusalemm, madwar Iżrael u fl-inħawi tax-Xatt tal-Punent; bil-vjolenza tidher li qed tiżbroffa kważi minn siegħa għall-oħra.