L-Awtorita’ tax-Xandir waqqfet mili jixxandru fuq l-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali numru ta’ spots preparati minn grupp ta’ ġenituri li fetħu l-paġna ta’ Facebook “ Save the Embryo Protection Act Malta”.
Wieħed mill-ispots juża l-kliem “trabi mhux imwielda” u l-ġenituri kjarifikaw li Din il-frażi intagħżlet peress li hemm min ma jifhimx it-tifsira tal-kelma embrijun. Il-ġenituri qalu li l-PBS talbu li l-frażi tinbidel għal “embrijuni”. Il-ġenituri spjegaw li huma taw spot ieħor b’din il-kelma.
Il-grupp ta’ ġenituri qalu wkoll li ma ngħataw l-ebda raġuni għalfejn twaqqaf spot bil-kliem: “Are you aware that our country is considering passing a law where some children could never know who their father is? Visit facebook page. Save The Embryo Protection Act Malta.”
Fiċ-ċirkulari tagħha, l-Awtorita’ tax-Xandir talbet li jitwaqqaf spot ieħor din id-darba minħabba leħen ta’ minuri li ntuża. Dwar dan, il-ġenituri qalu li fl-involviment tal-minuri kien hemm kawtela kbira hekk li dak li qalet il-minuri kien biss l-isem tal-paġna ta’ Facebook bil-għan li l-pubbliku jinforma ruħu dwar dan s-suġġett. It-tifla qatt ma qalet xi kumment fuq is-suġġett jew esprimiet opinjoni. It-tifla baqgħet anonima l-ħin kollu. Qatt ma dehret imkien. Kellha wkoll il-kunsens tal-ġenituri tagħha.
Il-ġenituri qalu li l-għan wara dawn l-ispots tar-radju kien li l-poplu Malti jsir konxju li l-Gvern qed jikkonsulta bil-għan li jbiddel il-Liġi tal-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Il-ġenituri temmew li huma se jkomplu jħaddnu l-prinċipji tagħhom u rringrazzjaw lill-media li qed jagħtuhom l-ispazju li jitkellmu.


