L-Uragan ‘Patricia’ qed javvanza tul il-Messiku fejn deher li ħalla anqas ħsarat milli kien previst qabel u minkejja indikazzjonijiet preċedenti ‘tal-agħar maltemp li qatt kellu jolqot lill-Amerika t’Isfel’.
L-aħħar rapporti qalu li ‘Patricia’ kien qed jitlef mis-saħħa, sal-punt fejn naqas għal-livell ta’ maltempata tropikali. Madankollu, il-President Messikan Enrique Pena Nieto wissa biex in-nies jibqgħu attenti għall-elementi.
Fil-fatt, kien hemm sogru kbir li l-uragan jikkaġuna sensiela ta’ għargħar u valangi, bl-awtoritajiet ibassru inżul kontinwu ta’ xita qawwija fuq l-Istati Messikani.
Il-maltemp ta’ ‘Patricia’ laqat il-Punent tal-Messiku tard fil-lejl tal-Ġimgħa, bl-inħawi jbatu mill-qilla tal-irwiefen distruttivi u xita mingħajr limitu. Madankollu, il-ħsarat sussegwenti ma kenux kbar daqskemm wieħed kien qed jaħseb.
Fis-sigħat preċedenti kienu evakwati eluf ta’ residenti u turisti mill-kosta Messikana mal-Paċifiku, bl-Istati ta’ Nayarit, Jalisco, Colima, Michoacan u Guerrero jkunu indikati bħala l-aktar inħawi ‘f’periklu minn għargħar’ waqt l-Uragan Patricia.
//= $special ?>