Ambjent Lokali

Minn wara dahar kulħadd issa jistgħu jinbnew skyscrapers fl-Imrieħel – Ryan Callus

Il-Gvern iddeffes minn wara dahar kulħadd biex fl-Imrieħel ikunu jistgħu jibnew skyscrapers. Dan għamlu għall-hbieb tiegħu tal-konsorzju li qed jibni l-powerstation.

Dan żvelah fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li sejjaħ dan l-indħil bħala illegali u sintomu ta’ gvern moralment korrott.

Meta tkellem fid-dibattitu dwar il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Ryan Callus fisser li l-Imrieħel iddaħħal bħala zona fejn jistgħu jinbnew binjiet għolja f’ambjent fejn fuq in-naħa l-oħra tal-bypass tal-Imrieħel hemm il-Wied ta’ Ħal Qormi – fejn hemm il-bdiewa li meta ħames snin oħra jħarsu ‘l fuq se jaraw erba’ torrijiet ta’ 14, 16, 18 u 20 sular.

Ryan Callus fisser li l-Imrieħel ma kienx inkluż meta l-policy ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika u lanqas ma kien inkluż wara li daħlu s-sottomissjonijiet. Kien inkluż biss meta d-draft policy kienet ippreżentata lill-bord tal-MEPA, biċ-Chairman jgħid li kien il-Gvern li talab li l-Imrieħel tidhol fil-policy.

Ryan Callus saħaq li l-fatt li sid l-art huwa parti integrali fil-konsorzju tal-bini tal-powerstation jagħti lok għal riħa tinten ta’ korruzzjoni u sejjaħ dan bħala politika maħmuġa li ma tagħmilx ġieħ lil min jagħmilha.