Internazzjonali

Se jieqfu t-titjiriet bejn l-Ukrajna u r-Russja

Min-nofs il-lejl għandhom jieqfu t-titjiriet diretti bejn l-Ukrajna u r-Russja u ladarba jidħlu fis-seħħ sanzjonijiet ġodda imposti mill-Gvern Ukren.

Ir-Russja, sa ftit ilu, kienet irreferiet għal dawn s-sanzjonijiet fuq il-linji tal-ajru tagħha bħala ‘ġennata’ iżda issa għażlet li taddotta miżuri reċiproċi fil-konfront tal-Ukrajna.

Sadanittant, fallew l-aħħar taħditiet biex jirrisolvu l-kriżi, bl-osservaturi jemmnu li l-kontro-miżuri għandhom jaffettwaw mas-70,000 passiġġier fix-xahar.

Is-sanzjonijiet tal-Ukrajna huma dovuti għall-aġir tar-Russja li, is-sena l-oħra, kienet għaqqdet il-peniżola tal-Krimea ma’ artha. Fl-istess ħin, l-Ukrajna akkużat lir-Russja li qed tappoġġja lir-ribelli separatisti f’numru ta’ reġjuni Ukreni.

Ir-Russja qalet li l-Ukrajna, b’din il-miżura, ‘qed tagħmel il-ħsara lilha nnfisha’. Il-kelliema f’Moska sostnew li l-maġġoranza tan-nies li qed jaqbdu titjiriet lejn arthom huma Ukreni li għandhom ix-xogħol jew li jkunu jridu jżuru qrabathom fir-Russja.

Hu minnu, intant, li l-projbizzjoni għat-titjiriet ħalliet numru kbir ta’ nies irrabjati fiż-żewġ pajjiżi