Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea, għada, jiltaqgħu fi Brussell għal mini-summit bl-iskop li jitrattaw il-kriżi tal-immigranti li qed tiżviluppa tul rotta ewlenija fil-Punent tal-Balkani.
Il-Mexxejja tal-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovenja se jiltaqgħu ma’ Mexxejja ta’ pajjiżi, fosthom is-Serbja u l-Maċedonja, li m’humiex imsieħba fl-Unjoni. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qed iħeġġeġ għal kooperazzjoni akbar fid-dawl tal-kriżi fost sejħiet għal konsultazzjoni estensiva u ‘azzjonijiet immedjati’.
Il-Kummissjoni tal-UE lesta tibgħat ħaddiema għal sehem fi programmi ta’ appoġġ għas-Slovenja. Dan il-pajjiż talab lill-UE għal pulizija u tagħmir biex jieħu ħsieb l-eluf tal-immigranti li qegħdin jaqsmu, kuljum, lejn artha mill-Kroazja.
Is-Slovenja ipprotestat mal-Kroazja talli l-awtoritajiet Kroati komplew jippermettu li l-immigranti jaqsmu l-fruntiera komuni bil-ferroviji. Dan meta s-Slovenja qed tiffaċċja diffikultajiet kbar biex tlaħħaq ma’ influss hekk kbir ta’ nies.
Il-kriżi, fl-istess ħin, ħolqot tensjoni kbira bejn il-Kroazja, l-Ungerija u s-Serbja.
//= $special ?>