Plejer tar-rugby żamm lil mara minn idha għal siegħa sħiħa biex ipperswadiha ma taqbiżx minn fuq pont.
Michael Owen, ta’ 22 sena, kien qed isuq fl-Ingilterra flimkien mat-tfajla tiegħu Jemma, meta ra lil mara bilwieqfa f’tarf ta’ pont mal-ġemb tat-triq. Il-mara kienet diġà qabżet il-ħadid tas-sigurtà tul it-triq u kienet qed tħares għal fuq il-motorway M4 li kienet taħtha.
“Konna qed insuqu fuq il-pont meta t-tfajla tiegħi rat lill-mara”, spjega ż-żagħżugħ. “Ġbidt il-karozza għall-ġemb biex inbiegħed it-traffiku minnha u ngħinha. Kienet tidher li ma kinitx f’sikkitha għalhekk bdejt nitkellem magħha fuq dak kollu li ġie f’ilsieni”.
Owen qal li l-mara donnha mill-ewwel bdiet tikkalma malli semgħet l-aċċent tiegħu minn Wales. Hu taha idu u baqa’ jżommha li ma tmurx taqa’, minkejja li kien kiser idu waqt logħba rugby. Dam iżommilha idha għal mill-inqas siegħa għax kienet wisq beżgħana biex tuża s-slielem tal-fire engines li waslu fix-xena.
//= $special ?>