Fl-iskandlu Gaffarena inkisret il-liġi – għax Gaffarena ingħata ferm aktar minn kemm tippermetti l-liġi f’każi ta’ espropjazzjoni. Dan joħroġ mill-investigazzjoni interna li saret dwar dan l-iskandlu.
L-iskandlu hu dwar il-mod kif Gaffarena ingħata aktar minn miljun u nofs ewro fi flus u artijiet għal nofs binja fi Strada Zekka l-Belt Valletta.
Skont dak li ġie żvelat fil-gazzetta MaltaToday, għan-nofs binja fil-Belt Valletta li ġiet espropjata, ingħata ħafna aktar minn 30% tal-valur ta’ dik in-nofs binja – u dan sar bi ksur tal-liġi dwar l-espropjazzjoni.
In-nofs binja li kienet ġiet espropjata, Gaffarena kien xtraha ftit qabel ma taha lill-Gvern – għal somma ferm anqas minn kemm irċieva wara li ġiet espropjata. Mhux talli hekk, iżda talli kien Gaffarena stess li kien għażel l-artijiet li l-Gvern kien tah bħala kumpens għan-nofs binja fil-Belt Valletta.
Kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kienet għamlet ġimgħat sħaħ t’appella biex issir investigazzjoni interna u ftit tal-jiem ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din tlestiet u ġiet mgħoddija lill-Awditur Ġenerali, li wkoll qed jinvestiga l-każ fuq talba tal-Oppożizzjoni.
Il-MaltaToday fl-artiku tagħha tirrapporta li l-fatt li Gaffarena ingħata ferm aktar minn kemm suppost, jista’ jkun bażi soda biżżejjed biex il-ftehim li sar bejn il-Gvern u Gaffarena jiġi ddikjarat bħala wieħed invalidu. Mhux magħruf jekk il-ftehim li sar bejn Gaffarena u l-Gvern hux se jkun irtirat.
L-investigazzjoni interna dwar l-iskandlu Gaffarena tlestiet, iżda ftit jiem ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li mhux se jkun qed jippubblika r-rapport minħabba l-investigazzjoni li għaddejja mill-Awditur Ġenerali.
//= $special ?>

