Hemm ġiħadisti Ġermaniżi li ngħaqdu mal-ISIS li qed jgħinu lill-militanti fit-taqsima speċjali tagħhom tat-tortura.
Hekk żvela rapport tal-ġurnal Suddeutsche Zeitung u l-istazzjonijiet televiżivi NDR u WDR, li jikkwotaw traskrizzjonijiet ta’ rapporti ta’ pulizija wara interrogazzjonijiet li għamlu lil Ġermaniż li serva bħala ġiħadista, u li fir-rapporti jissemma bħala Nils D.
Skont ir-rapport, it-taqsima speċjali, li hi responsabbli għall-arrest u l-interrogazzjonijiet lil dawk li jiddeċiedu li ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-militanti, tissejjaħ “tal-maltemp”.
Mir-rapport joħroġ li Nils D ħarab lejn is-Sirja fl-2013 biex iservi ta’ voluntier. Kien ġie arrestat sena wara meta rritorna fil-Ġermanja wara li l-Pulizija semgħetu jiftaħar ma’ persuna oħra dwar iż-żmien li għamel mal-ISIS. Issa mistenni jgħaddi ġuri f’Jannar li ġej, akkużat bi sħubija f’organizzazzjoni barranija ta’ terroristi
Fiż-żmien li għadda fis-Sirja assista għal diversi sessjonijiet ta’ tortura u qtil, inkluż it-tislib ta’ dak li kien kmandant tal-ISIS. F’20 sessjoni ta’ interrogazzjoni, lill-Pulizija qalilhom li fi 8 mit-13-il xahar li għadda fis-Sirja, kien ħadem f’taqsima li l-Avukat Ġenerali Ġermaniż iddeskriva bħala l-ekwivalenti ta’ Dipartiment tas-Sigurtà Interna fi ħdan l-Istat Iżlamiku.
Nils D ċaħad li personalment kien ħa sehem f’torturi jew qtil u qal li ipparteċipa f’bejn 15 u 20 arrest fejn hu kien jagħmel xogħol ta’ superviżjoni fuq l-informaturi. Imma skont il-ġurnal Ġermaniż, fit-telefon ċellulari tiegħu, il-Pulizija sabet ritratti tiegħu jipponta arma tan-nar ma’ ras priġunier.
Il-ġurnal isemmi li Nils D qal lill-Pulizija li hemm Ġermaniż ieħor jaħdem fl-istess taqsima, għalkemm ma jissemmiex b’ismu fir-rapport, u li kien hemm pjazza partikolari li l-militanti kienu jużaw biex fiha joqtlu lill-priġunieri tagħhom. Hawnhekk kien ra lil dak li kien kmandant tal-ISIS, li ġie msallab hemm biex iservi ta’ eżempju għall-oħrajn.
Spjega wkoll li l-membri ta’ din it-taqsima speċjali dejjem kienu jilbsu l-maskri u li kienu jitħallsu ferm iktar mill-bqija tal-ġiħadisti. Qal li wara li l-Istat Iżlamiku ħataf il-belt ta’ Mosul fl-2014, huma rċevew parti mill-ġid li rnexxielhom jaħtfu mill-belt.
//= $special ?>