“Ħadd ma kien jaf fejn qiegħed it-tifel u ppanikjajt” – l-omm li allegatament daħlet xurbana fi skola

“X’tagħmel int kieku tmur għat-tifel u ħadd ma jkun jaf x’sar minnu? It-tifel tiegħi ħadd ma kien jaf fejn qiegħed, u allura ippanikjajt”

Kienet din ir-reazzjoni tal-omm li jumejn ilu spiċċat fuq l-aħbarijiet wara rapport li sar li daħlet fi skola u aggrediet Assistent Kap ta’ Skola, Pulizija u impjegata tal-iskola, wara li ma sabitx lit-tifel tagħha meta marret biex tiġbru.

Aqra iktar: Omm xurbana tagredixxi numru ta’ persuni fi skola

F’kumment fuq wieħed mis-siti tal-aħbarijiet lokali, l-omm kitbet li ppanikjat meta marret l-iskola għat-tifel u ma sabitux hemm.

“Mort biex niġbor lit-tifel. Staqsejt fl-uffiċju tas-surmast u lin-nies kollha fl-uffiċju – iżda l-uniku risposta kienet li ħadd ma kien jaf fejn qiegħed – u ppanikjat.” qalet l-omm.

Kompliet li apparti minn hekk, ħadd ma kellu idea jekk xi ħadd kienx ġabar lit-tifel – jew inkella min filwaqt li staqsiet: “kieku int x’tagħmel jekk tmur għat-tifel u ħadd ma jtik risposta?”. L-omm ilmentat li hija din it-tip ta’ sigurtà għat-tfal fl-iskejjel Maltin.

Il-każ sar magħruf wara li fi stqarrija, il-Union tal-Għalliema, l-MUT, ikkundannat dan il-każ filwaqt li appellat għal sigurà akbar fl-iskejjel.

Fl-istqarrija tagħha, l-MUT allegat ukoll li l-omm kienet xurbana meta daħlet l-iskola u aggrediet numru ta’ persuni.

Skont l-omm, missier it-tifel baqa’ sejjer mix-xogħol biex jiġbor lit-tifel u kien għalekk li hi ma sabitx lit-tifel hemm. Fil-kumment tagħha, l-omm spjegat li sar magħruf x’kien ġara mit-tifel meta sar kuntatt mal-Pulizija u ftit wara, ir-raġel tagħha rritorna l-iskola.

L-inċident seħħ fl-iskola Primarja B taż-Żejtun nhar il-Ġimgħa li għadda.