Wara li ġie żvelat kif mill-Konsulat Malti fl-Aġerija inħarġu aktar minn 6,500 visa, u dan filwaqt li ma kien hemm l-ebda informazzjoni ta’ żieda fit-turiżmu minn dan il-pajjiż, issa, il-Prim Ministru Joseph Muscat irid imur l-Alġerija, biex skont hu, iġib l-investiment.
Joseph Muscat iddikjara li se jmur l-Alġerija meta fil-każin Laburista tal-Fgura kien qed jindirizza ġemgħa ta’ partitarji Laburisti.
Kien biss tlett ijiem ilu li fil-Parlament, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami żvela li f’temp ta’ sena u nofs – minn Marzu tas-sena l-oħra, inħarġu 6,781 visa ta’ persuni mill-Alġerija.
Beppe Fenech Adami qal li dan iqanqal suspett meta ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar żieda fit-turiżmu mill-Alġerija. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ aktar minn 6,500 visa għall-Malta mill-Konsulat fl-Alġerija sar b’xamma kbira ta’ korruzzjoni.
Bħalissa l-Pulizija qed jinvestigaw lill-Aġenzija Identity Malta, aġenzija mwaqqfa mill-Gvern Laburista stess, wara li fil-ġimgħat li għaddew ġie żvelat l-iskandlu tal-ħruġ tal-eluf ta’ permessi ta’ residenza mingħajr ebda kontroll.
Meta kien qed jindirizza lil-Laburisti il-Fgura, Joseph Muscat tkellem ukoll dwar kemm il-Gvern qed jiffranka flus lin-nies u qal li l-familji Maltin, grazzi għall-Gvern tiegħu, qed jiffrankaw €10,000.
Għal xi ħin tkellem ukoll dwar l-interconnector, fejn filwaqt li attakka li l-Partit Nazzjonalista m’għandux viżjoni fl-enerġija, sostna li l-enerġija bħalissa qed tiġi provduta mill-interconnector.
Muscat ikompli jiftaħar li se jmur jagħmilha ta’ salesman l-Alġerija – il-PN
Intant, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li minflok ma jkun umli u jammetti li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jistgħu jorħsu kif qed jinsistu l-korpi kostitwiti, fid-diskors tiegħu dalgħodu, Joseph Muscat baqa’ jwebbes rasu u jattakka lil kull min ma jaqbilx miegħu.
Dalgħodu, Muscat reġa’ ftaħar li se jmur jagħmilha ta’ salesman l-Alġerija. Flok jagħmilha ta’ salesman, Muscat għandu jwieġeb il-mistoqsijiet leġittimi li qed isiru dwar l-iskandlu tal-visas lill-Alġerin, wara li din il-ġimgħa ġie żvelat li f’sena u nofs, inħarġu kważi 7,000 visa lill-persuni mill-Alġerija, ikompli jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Muscat, għal darb’oħra, ħadha qatta bla ħabel kontra min jinsab f’pożizzjoni li jkollu jirrikorri għall-benefiċċji soċjali, u reġa’ għajjarhom ħallelin. Ikun aħjar li kieku Muscat jeħodha kontra min hu korrott, mhux jiddefendi skandli kbar ta’ Gvern mifni b’korruzzjoni istituzzjonalizzata. Muscat hu b’saħħtu ma’ min hu dgħajjef u dgħajjef ma’ min hu korrott.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li għal darb’oħra, Muscat għażel li jwebbes rasu quddiem il-proposti kollha mressqa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kemm fil-Pre-Budget Document, kif ukoll fid-diskors fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda. Verament ħasra li l-poplu Malti u Għawdxi għandu Prim Ministru li flok jisma’ mingħand ħaddieħor, jagħlaq widnejh u jwebbes rasu.
//= $special ?>

