Il-kunċett tal-laqgħa tax-xahar id-dieħel tal-mexxejja mill-Unjoni Ewropea u mill-Afrika se jissawwar f’monument li se jkun punt ta’ riferiment ewlieni fi Pjazza Kastilja. Il-monument jista’ jitqies ukoll bħala simbolu tar-realtà ġeografika ta’ pajjiżna, ħolqa bejn żewġ kontinenti. F’għamla ta’ għoqda se jkun qed jissimbolizza wkoll għaqda bejn żewġ kontinenti.
Il-biċċa xogħol ta’ skultura se tkun magħmula mill-irħam tal-barrieri ta’ Carrara fl-Italja minn fejn kienu ħarġu wkoll bċejjeċ enormi tal-irħam li eventwalment saru bċejjeċ tal-arti rinomati bħad-David u La Pietà ta’ Michelangelo.
L-artist tal-monument, Dr Vince Briffa, jgħid li dar fuq l-irħam ta’ Carrara “għaliex ftit għandu difetti, ftit li xejn għandu vina u għandu brillanza tal-abjad li tista’ toħroġ fil-ġmiel kollha tagħha. Morna għal dan minħabba l-valur li għandu dan il-materjal. Xtaqt l-irħam ta’ Carrara għaliex xtaqt li jkun nadif u sempliċi, għaliex il-kunċett huwa wkoll wieħed nadif u sempliċi”.
Il-Perit Richard England, artist ewlieni ieħor Malti, faħħar il-filosofija tal-kunċett tad-disinn. Huwa qal li: “Dr. Vince Briffa, ta’ artist intelliġenti u intelletwali, qed jipprova jagħmel rabta bejn problema li hemm fl-Afrika bl-emmigranti u l-mod kif l-Ewropa qed tilqa’ din il-problema”.
La jinġieb Malta fil-jiem li ġejjin, il-monument ikun irid jitwaħħad fl-art, f’dik li qed titqies bħala operazzjoni mill-aktar delikata u ta’ preċiżjoni kbira. Irid jintrifed f’virga apposta biex imbagħad jitwaħħal u jintrabat mal-art. Il-monument se jkun inawgurat mill-mexxejja Ewropej u Afrikani fl-ewwel jum tas-summit ix-xahar id-dieħel.
//= $special ?>
