“Simon Busuttil bniedem determinat, iffukat u jaf fejn irid jasal” – Rosette Thake

“Simon Busuttil hu bniedem determinat, iffukat u jaf fejn irid jasal.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet dan meta kienet qed tindirizza l-Kunsill Ġenerali f’Għawdex. Sa’ 5 xhur ilu, ftit li xejn kienet taf lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista iżda fix-xhur li ilha Segretarju Ġenerali, saret taf aktar mill-qrib lil Simon Busuttil u d-determinazzjoni tiegħu.

Hi fissret li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex bniedem li jaqta’ qalbu, anzi jilqa’ kull sfida li tiġi. Irrimarkat li fil-politika, b’mod speċjali fil-kariga ta’ Kap tal-Partit, ikun hemm ħafna mumenti diffiċli madanakollu Simon Busuttil dejjem jibqa’ kalm u jieħu l-aħjar deċiżjoni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista irreferiet għall-esperjenza waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Madrid u qalet li hi kburija bl-istima li jgawdi Simon Busuttil minn politiċi Ewropej ewlenin.

Fid-diskors tagħha hi tkellmet dwar il-politika b’viżjoni fit-tul u li tagħti dinjita’ lil kulħadd u dwar il-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed iwettaq politika li twassal ghal sostenibbilta fit-tkabbir ekonomiku u biex dan jitqassam b’gustizzja u b’dinjita.

Il-Kunsill Ġenerali kien indirizzat ukoll mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, mid-Deputati Nazzjonalisti Frederick Azzopardi, Kristy Debono, Stephen Spiteri u Toni Bezzina.

Indirizza l-Kunsill ukoll il-President tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex Joe Chircop kif ukoll il-kandidati Għawdxin għall-elezzjoni ġenerali.