Lokali

Simon Busuttil: “Ejja nkunu l-bidla vera”

“Hemm partit li t-tir tiegħu huwa li jirbaħ elezzjoni imma hemm partit ieħor li t-tir tiegħu mhux li jirbaħ elezzjoni imma x’se jagħmel wara li jirbaħ elezzjoni u din id-differenza qed toħroġ. In-nies qegħdin jarawha”.

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-PN Simon Busuttil fi tmiem il-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema ‘Tkabbir Sostenibbli u Dinjita’ ghal Kulhadd’ li sar f’Għawdex.

Meta n-nies jindunaw bid-differenza bejn iż-żewġ partiti, saħaq Simon Busuttil, se jduru fuq is-salesman Joseph Muscat u jitolbuh refund ghax biegħlu prodott falz.

Matul id-diskors tiegħu Simon Busuttil iffoka fuq il-baġit u wera kif dan ma kienx joffri tkabbir sostenibbli u dinjita’ għal kulħadd.

Simon Busuttil fakkar li l-ambjent lanqas biss issemma fil-baġit u ħabbar li l-PN se jkun qed jorganizza t-tieni Konvenzjoni Ġenerali tiegħu bit-tema Idea Ambjent.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-iskandli li kkaraterizzaw il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Fakkar li meta ffaċċjat bl-għazla bejn Każin tal-Labour fis-Siġġiewi u dar għall-anzjani Siġġiwin, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għażel il-Kazin tal-Labour. Simon Busuttil fakkar fl-iskandlu fejn familjari ta’ Deputati Laburisti qed jiffangaw minn flus il-poplu u saħaq li fil-mument li xi ħadd jispiċċa f’pożizzjoni pubblika u jitħallas mit-taxxi tagħna, is-sitwazzjoni ma tibqax waħda personali u ssir pubblika.

Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil qal li sal-aħħar tas-sena se jkunu qed iħabbar sett ta’ proposti u miżuri għal tmexxija nadifa u fost dawn il-proposti se jkun hemm it-tneħħija tal-libell kriminali.

Fi tmiem id-diskors tiegħu Simon Busuttil qal li fid-dawl tad-differenzi bejn iż-żewġ partiti, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-bidla vera li jinħtieg pajjiżna – bidla li minnha jirbaħ il-poplu Malti u Għawdxi kollu.