5 lokalitajiet se jibda’ jkollhom ġbir ta’ skart organiku

Minn nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru f’ħames lokalitajiet f’Malta se jibda proġett pilota mmexxi mill-Wasteserv bl-għan li jinġabar skart organiku mid-djar. Il-ġbir ta’ dan l-iskart se jibda minn Birkirkara, Bormla, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex.

Ikel nej u msajjar, inkluż għadam, ħut u frott tal-baħar, ħobż u għaġin, frott u ħaxix imsajjar, qxur tal-frott u ħaxix, tea bags u kafe mitħun, qxur tal-bajd, srievet tal-karti u karti maħmuġin kif ukoll weraq u fjuri jikklassifikaw bħala skart organiku.

L-għażla tal-kontenituri provduti għandu ħsieb warajh; kontenitur żgħir biex ma jokkupax ħafna spazju u allura jkun ukoll komdu għal residenzi żgħar, filwaqt li mill-kontenitur jidher wieħed jista’ jirrealizza kemm qed jaħli ikel kif ukoll għaliex. Mill-esperjenza, anke’ ta’ lokalitajiet barra minn pajjiżna, l-irwejjaħ huma minimizzati ħafna.

Anke l-għażla tal-boroż saret bi ħsieb għaliex huwa ppjanat li jservu biss għal sitt xhur, biex b’hekk ma jiġix prodott iktar skart. Meta l-familji jispiċċawlhom il-boroż mgħoddija bħala parti minn starter kits li tqassmu, jistgħu jintużaw boroż oħra li jidher minnhom imma li mhux trasparenti.

Fil-ġranet li se jsir dan il-ġbir, mhux se jinġabru l-boroż is-suwed użati għall-kumplament tal-iskart.