Xħiħ ukoll fl-ideat u fl-investiment bil-Gvern inaqqas il-vot għal Għawdex b’€10.2 miljun
Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chrs Said ikkritika lill-Gvern li qiegħed ikun xħiħ ma’ Għawdex u l-Għawdxin, xħiħ ukoll fl-għoti tal-poter lil Għawdxin meta l-Ministeru ħadlu s-saħħa u l-edukazzjoni u rriduċih f’kunsill lokali glorifikat, u xħiħ ukoll fl-ideat u fl-investiment. Sejjaħ il-Baġit għall-2016 bħala l-aktar baġit fqir ukoll f’termini ta’ finanzi allokati, iżda ġeneruż biss ma’ tal-qalba anke f’ Għawdex.
Meta tkellem illum warnofsinhar fil-Parlament dwar il-Baġit tal-Gvern għal Għawdex, ix-Shadow Minister Chris Said fisser li mill-mizuri li tħabbru dwar Għawdex sena ilu, kważi ma sar xejn u hemm baħħ.
Irrifera għall-wegħdi dwar il-Casino, il-fast ferry service mal-Port il-Kbir, il-hub mediku, il-proġett ta’ cruise liner terminal u yacht marina, it-tieni fibre optic cable, l-SME Park fix-Xewkija, proġett flok l-MDP fejn żdingar kien hemm u zdingar ghad hemm, u l-baga fix-Xlendi li terga’ tissemma din is-sena.
Semma wkoll li l-kumpanija blacklisted Ċiniza ser tagħmel ukoll studju dwar il-mina u staqsa fejn hu dan l-istudju u meta ser jigi. Dwar id-Dar tal-Anzjani saret biss ħofra u x-xoghol waqaf hemm.
Il-Gvern qal ukoll sentejn ilu qal li kien se jinbena Qorti state-of-the art bi €12-il miljun u kull min kellu juża l-Qorti għadu jmur iċ-Ċittadella. Xejn ukoll ma sar fuq il-wiegħda tal-airstrip
Irrimarka li fil-Baġit għall-2016, il-miżuri flok zdiedu naqsu drastikament, u hemm biss miħura waħda differenti.
Dwar il-proġett tal-mina l-Gvern ma qalx il-verità
Dwar il-wiegħda tal-airstrip, ix-Shadow Minister qal li ssemmiet l-airstrip mhux biex issir iżda din id-darba jagħtuha d-daqqa tal-mewt meta l-Ministru tal-Finanzi jgħid li l-Gvern ma jridx jgħaġġel, wara l-PM jgħid li mhix prijorità u l-Ħadd li għadda l-Ministru Refalo jgħid li m’għadhiex prijorità.
Talab lill-Minitru Refalo jgħid jekk hux se jsir il-bini ta’ Cruise Liner Terminal u Yacht Marina minħabab li mhux iwieġeb mistoqsijiet fil-Parlament filwaqt li f’websajt fl-Ingilterra ħargu l-pjanti.
Dwar il-proġett tal-mina, Chris Said qal li l-Ministru tal-Finanzi ma qalx il-verità. Mhux veru li ġie kkummissjonat xi studju bejn Transport Malta u GBC għax l-istudju ta’ Gordon Coridna ġie kkummissjonat mill-GBC weħidha. Stieden lill-Ministru għal Għawdex ipoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju taċ-Ċinizi fuq il-mina.
Il-Ministeru għal Għawdex spiċċa kunsill lokali glorifikat
Irrifera wkoll li proġett wieħed biss li qatt ma ssemma qabel fil-baġits – dak tar-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Frangisk bi spiża ta’ €300,000 – progetti li l-Kunsilli Lokali qed jaghmlu bil-gżuż bħalhom bl-kritika diretta lejn il-Ministeru għal Għawdex li spiċċa kunsill lokali glorifikat.
Tkellem ukoll dwar ix-xeħħa ta’ dan il-Gvern mal-Għawdxin u qal li l-vot tal-investiment f’Għawdex u fil-futur ta’ Għawdex naqas b’€10.2 miljun, il-Vot ta’ Eko-Għawdex hu ta’ miljun meta fl-aħħar tliet snin ta’ Gvern tal-PN ġew ivvutati €25 miljun, il-vot għat-toroq naqas minn €3.6miljun fl-2014 għal €1.6 miljun għall-2016, għall-baga tax-Xlendi li qatt ma saret inaqqas il-vot b’mitt elf, għad-Dar tal-Anzjani din is-sena vvutati €400,000 u għall-2016 €60,000, u għall-Qorti l-Baġit jonqos ukoll bin-nofs.
In-nefqa f’salarji u konsulentzi titla’ minn €17-il miljun għal €19-il miljun
Semma li l-uniku zieda fil-voti ta’ Għawdex kienet f’dak tal-pagi u konsulenzi – minn 17-il miljun għal 19-il miljun. Semma li għal konsulenti tal-qalba hemm flus, tliet konsulenti fil-kultura, li bejniethom qed jieħdu aktar minn €70,000 fis-sena; konsulenti fit-turiżmu, tlieta jew erba’ konsulenti fuq il-Gozo Channel b’aktar minn €60,000 fis-sena, konsulenti Maltin li ma jersqux lejn Għawdex imma jitħallsu mill-vot ta’ Għawdex, u konsulenti fuq l-isports b’aktar minn €35,000 fis-sena.
Dwar l-aċċessibbiltà, Chris Said qal li Gvern tal-PN wettaq l-akbar investiment f’Għawdex f’bini ta’ portijiet, tliet vapuri, terminals, toroq li jwasslu sal-portijiet u l-infrastruttura kollha li kien hemm bżonn. Saru wkoll studji serji fuq il-possibbiltà ta’ mina li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta, saru taħditiet mal-UE u ġie kummissjonat pre-feasibility study finanzjat mill-UE. Ir-rapport ġie pubblikat f’ April 2012 u wera li din kienet fattibbli u li kien għaqli li jsiru studji profondi fuq l-aspetti kollha.
Fakkar li l-Ministru Refalo kien kontra l-kunċett tat-tunnel u meta sar Ministru qal li jippreferi bridge u issa ser jibda jgħid ezatt bħalma qal Gvern Nazzjonalista.
Fisser li mal-bidla fil-Gvern ġie abbandunat kollox u ġie ffirmat ftehim ma kumpanija Ċiniza blacklisted mill-Bank Dinji biex tagħmel studju fuq bridge u possibbilment tibni l-istess bridge. Fsser li issa li Transport Malta u l-GBC kkummissjonaw studju li wera li l-mina hija fattibbli, Chris Said staqsa lill-Ministru Refalo jgħid xi studju ambjentali sar u min għamlu.
Appella lill-Gvern ikompli bl-istudji kollha dwar l-aċċessibbiltà ma’ Għawdex u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizjzoni jsiru b’serjetà u trasparenza.
L-esportazzjoni f’Għawdex naqset b’10%
Dwar ix-xogħol u t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex, Chris Saiid qal li l-uniku proġett sar mill-privat mill-RS2, li bdiet f’ Malta fi żmien Gvern tal-PN u kibret li nfirxet ma’ diversi kontinenti.
Irrifera għas-survey minn PWC fost l-istudenti Għawdxin bil-maġġoranza kbira jgħidu li m’hemmx ċans isibu xogħol f’Għawdex wara tliet snin tal-Labour li wiegħed xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin kollha.
Ikkritika li l-Ministru tal-Finanzi ma semmiex erba’ fatturi importanti dwar l-ekonomija u x-xogħol f’Għawdex. Semma li l-esportazzjoni fl-ewwel tmien xhur meta mqabbla mal-istess tmien xhur tas-sena l-oħra naqset b’ 10%.
Iż-żieda fl-impjiegi f’Għawdex hi mal-Gvern
Iż-żieda qawwija fl-impjiegi hi mal-Gvern f’Għawdex. Bejn l-2012 u 2014 żdiedu 360 persuna jaħdmu mal-Gvern f’Għawdex (żieda ta’ 10%), bir-rati ta’ żieda ta’ impjiegi mal-Gvern f’Għawdex meta mqabbla maż-żieda fil-privat hi d-doppju f’Għawdex meta mqabbla ma’ Malta. Semma wkoll li hemm 300 Għawdxi fi skema redikoli mal-Gvern – li fisser bħala ezempju klassiku ta’ sparpaljar ta’ flus f’xogħol prekarju fi skemi li fihom qed jidħlu ħaddiema li jitilqu mill-privat bit-tama li jispiccaw b’ impjieg fiss mal-Gvern.
Tonqos ukoll il-paga medja
Semma wkoll kif il-paga medja niżlet, Fl-2013 l-paga medja kienet €15,228 u fl-2014 naqset b’€223 għal €15,005 – riżultat ta’ jobs cheap labour li qed jinħolqu f’Għawdex.
Ix-Shadow Minister elenka d-differenza mal-eqqel tal-kriżi ekonomika u finanzjarja mill-2011 għal 2012 meta żdiedet minn €14,098 għal €14,805 – żieda ta’ €707. Irrimarka wkoll li meta wieħed iqabbel il-paga medja f’Malta ta’ €16,165, f’Għawdex il-paga medja hija €15,005 – differenza ta’ €1,160 – li jfisser li Għawdxi jaħdem xahar paga għalxejn. Fakkar li fl-2013 id-differenza bejn Malta u Ghawdex kienet €667 – kważi in-nofs.
L-uniku sptar f’Għawdex ser jiġi privatizzat
Dwar il-qasam tas-saħħa f’Għawdex, Chris Said qal li l-uniku sptar f’ Għawdex ser jiġi privatizzat. Ikkritika lill-Gvern li għaddej b’ħabi kbir u taħwid, u dan mill-aktar Gvern suppost trasparenti fl-istorja.
Sejjaħ li dak li qed iwettaq illum għal Għawdex għall-Isptar Ġenerali, ilu maħdum bizzilla minn qabel l-elezzjoni bħalma ma kien il-pjan għall-power station. Saħaq li hu għalhekk is-saħħa hi f’idejn Konrad Mizzi u tneħħiet minn taht idejn Anton Refalo eżatt wara l-elezzjoni.
Staqsa lill-Ministru għal Għawdex jgħid jekk iċ-Child Development Unit hux ser jgħaddi għand Konrad Mizzi biex jgħaddih lil Barts; jekk il-preferred bidder Vitalis għadux ifittex investituri internazzjonali biex ikun jista’ jsir il-proġett; x’ser jigri minn Sant’ Anna u l-isptar mentali; u jekk min jieħu l-isptar issa jista’ jibni fejn irid u kif irid, inkluz għoli kemm irid.
Staqsa wkoll kemm il-Gvern se jkollu jirrifondi fondi tal-UE li ntużaw fuq proġetti fl-Isptar ta’ Għawdex u jsserraħ ras il-ħaddiema li t-take home pay tagħhom mhix ser tonqos u li l-kundizzjonijiet se jitjiebu.
Semma wkoll li l-istudenti Għawdxin ngħataw €300 flok €800, naqas il-vot għall-attivitajiet fl-Università f’Għawdex, għall-ITS, għall-kultura u ebda baġit għall-Kunsilli Lokali Ghawdxin.