Bejn April 2014 u Marzu 2015 intefqu aktar minn €3 miljuni f’għajnuniet lil persuni vulnerabbli u għaqdiet u €650,000 għall-organizazzjoni tal-Istrina u spejjeż amministrattivi oħra
L-inizjattiva li l-kumpaniji jiffrankaw it-taxxa jekk jgħinu fil-qasam filantropiku għandha tkun estiża għall-għaqdiet non-governattivi kollha f’Malta, kif bħalissa qed jiġri mal-Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet dan meta fl-uffiċini l-ġodda tal-Community Chest Fund fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta nediet l-Istrina 2015 u ppreżentat ir-rapporti finanzjarji u awditjati tal-Community Chest Fund.
Bejn April 2014 u Marzu 2015 intefqu total ta’ €3,840,105 mill-Community Chest Fund f’għajnuniet lil persuni vulnerabbli u għaqdiet. Fost dawn kien hemm assistenza lil individwi, soċjetajiet, għajnuna bi trattamenti mediċi, assistenza barra minn Malta u apparati speċjali lill-individwi.
Fl-istess perjodu, l-Malta Community Chest Fund kellha total ta’ €653,770 fi spejjeż amministrattivi u l-organizazzjoni tal-Istrina 2014.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar l-Istrina ta’ din is-sena u fost l-oħrajn intqal li din se tkun qed issir fil-kumpless sportiv tal-Kottonera. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Istrina se terġa’ tkun festa ta’ solidarjetà għax hija fl-għaġna tal-Maltin u l-Għawdxin li jkunu ġenerużi.
Il-President qalet li l-esperjenza tagħha bħala President hija ‘rollercoaster’ b’esperjenzi sbieħ u oħrajn inqas sbieħ.
//= $special ?>

