“L-istampa li għandna quddiemna mhijiex ikkulurita, imma mingħajr għajnuna żgur li ma konniex naslu s’hawn”.
Kien b’dan il-mod li Claire iddeskriviet is-sitwazzjoni diffiċli li hi u żewġha għaddejjin minnha bħalissa. Claire indirizzat il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji dwar l-Istrina ta’ din is-sena.
Matul il-konferenza pikka l-indirizz qasir imma b’saħħtu ta’ Claire, mara miżżewġha, li ddeskriviet it-tbatija li għaddej minnha r-raġel tagħha, Trevor.
Trevor, ir-raġel ta’ Clair ibati mill-marda tal-leukemia u l-vjaġġ tagħhom matul dawn l-aħħar xhur kien wieħed ta’ tlajja u nżul. Huma kellhom jitilgħu Londra għat-trattament darbtejn u minkejja li kien għamel żmien jirrispondi tajjeb għal trattament li kien ħareġ, xorta waħda kien irċieva riżultati negattivi aktar tard.
Hi qalet li minkejja li l-istampa quddiemha u quddiem żewġha mhijiex ikkulurita, żgur li mingħajr l-għajnuna li rċeviet fl-aħħar xhur, ma kinux jaslu s’hawn.
“Grazzi lill-Community Chest Fund, grazzi lill-kumpaniji kollha li jgħinu fl-Istrina u grazzi lilkom. F’isem Trevor u l-familja tiegħi nirringrazzjakom minn qalbi,” temmet tgħid b’vuċi miksrua Claire.
//= $special ?>
