Lokali Parlament

Għawdex mhux hekk kien imwiegħed

Tnaqqis ta’ €10 miljun għal Għawdex iżda n-nefqa fil-pagi żdiedet bi €3 miljun fi tliet snin

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal li l-Baġit għall-2016 hu nieqes mill-onestà għaliex juri biss dak li hu tajjeb u jaħbi dak li jolqot lill-Għawdxin b’mod negattiv, bil-kritika ewlenija hi li l-voti għal Għawdex tnaqqsu b’€10 miljun u li se jitnaqqsu minn fuq proġetti u infrastrutura oħra għal Għawdex. Tnaqqis minn Gvern li jiftaħar li għandu għal qalbu lil Għawdex u l-Għawdxin meta Għawdex mhux hekk kien wiegħed.

Meta tkellem dwar il-Ministeru għal Għawdex, Frederick Azzopardi qal li Għawdex mhux hekk kien imwiegħed. Id-deċiżjoni ta’ tnaqqis drastiku fil-fondi lil Għawdex tikkuntrasta bil-kbir meta l-vot għas-salarji u l-pagi tal-ħaddiema f’Għawdex se jkun żdied fi tliet snin bi €3 miljun.

Skont informazzjoni li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsijiet parlamentari, iż-żieda tal-ħadidema mal-Gvern u fil-privat fl-2014 kienet ta’ 420 impjieg full-time, li minnhom kien hemm disa’ persuni biss impjegati mal-Gvern. Staqsa jekk id-disa’ impjegati hux jieġdu €3 mlijun.

Xejn mill-Gvern dwar il-problema ta’ parkeġġ fir-Rabat f’Għawdex
Dwar is-soluzzjoni effettiva dwar il-problema ta’ parkeġġ fir-Rabat, id-Deputat Nazzjonalista qal li sal-lum għadu ma sar xejn, bil-Ministru Joe Mizzi jgħid il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament li Transport Malta ma rċiviet ebda talba mill-Kunsill Lokali. Irrimarka li wiegħda tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali meta kien iddikjara li hemm problema, illum qiegħed jitfagħha fuq il-Kunsill Lokali.

L-iskuża li l-Gvern iwaħħal fil-passat m’għadhiex taħdem
Ikkritika wkoll li Wara l-wegħdi u t-tmaqdir li sar mill-gvern tal-ġurnata meta kien fl-Oppożizzjoni, is-stwazzjoni f’Għawdex marret għall-agħar. Wissa li l-poplu jistenna li jibda jieħu r-riżultati wara sentejn u nofs hekk kif l-iskuża li l-Gvern iwaħħal fil-passat m’għadhiex taħdem. Il-poplu Għawdxi qed jistenna dak li mwiegħed lilu – ix-xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.

Frederick Azzopardi fakkar li maġġoranza tal-istudenti qalu fi stħarriġ li sar, li possibbiltà ta’ xogħol f’Għawdex għadha remota.
Ikkritika t-tliet snin moħlija dwar il-mina bejn Malta u Għawdex minħabba li l-Gvern webbes rasu u issa ġie fl-istess kliem tal-Gvern preċedenti – favur mina bejn iż-żewġ gżejjer.

Tkellem dwar l-airstrip u l-proposta tal-Partit Laburista dwar dan. Staqsa x’inhi r-raġuni li l-Gvern qed jgħid li se jintefqu €135,000 fuq studju fuq l-airstrip meta qiegħed jgħid li hemm problema dwar użu ta’ art verġni. Staqsa lill-Gvern ikun ċar u jgħid jekk hux se jwettaq din il-wiegħda.

Ikkritika x-xogħol bil-mod li hu għaddej fuq il-proġett tad-Dar tal-Anzjani, u kif reġa’ għal sena oħra ma kien hemm ebda żvilupp ukoll fuq il-bini tal-Qorti t’Għawdex meta sar biss f’sena assesssjar biss tal-pjanta.

Inċertezza fost il-ħadidema dwar il-futur tal-Isptar t’Għawdex
Semma wkoll l-inċertezza fost il-ħadidema dwar il-futur tal-Isptar t’Għawdex, u qal li dan hu proġett fl-arja għax kif qed jitkellem il-Gvern jagħti l-impresjosni li m’hemm xejn konkret u kollox għadu fuq il-karta.

Ikkritika li lanqas hemm studju dwar il-pjan li l-Gvern ftaħar li għandu dwar it-turiżmu mediku f’Għawdex.

Semma li hemm 900 ħaddiem f’Għawdex fis-settur tas-saħħa u qal li dawn huma f’inċertezza dwar il-futur ta’ xogħolhom. Staqsa għaliex il-kumpanijia li ntgħażlet bħala bidder għadha tfittex investituri; u għaliex il-Gvern ma jridx jippubblika l-ftehim dwar l-Isptar t’Għawdex. Dan biex il-poplu Għawdxi jingħata serħan il-moħħ.