Aktar minn 100 persuna nqatlu wara terremot qawwi li t-Tnejn filgħodu laqat il-Grigal tal-Afganistan u l-Pakistan. It-terremot kellu qawwa ta’ 7.5 fuq l-Iskala Richter u nħass fl-Indja u t-Taġikistan ukoll.
Uffiċjali fl-Afganistan kif ukoll fil-Pakistan mhux qed jeskludu li l-vittmi jafu jkunu eluf imma kien għadu kmieni wisq biex ikun determinat ammont.
L-epiċentru tat-terremot kien fir-reġjun Hindu Kush, 76 kilometru bogħod minn Faizabad u f’fond ta’ 212-il kilometru.
Kemm għaliex ħafna zoni abitati huma remoti, kif ukoll għaliex iċ-ċaqliq tal-art ħarbat il-komunikazzjoni, l-informazzjoni dwar il-kobor tal-ħsara u l-vittmi kienet qed iddum biex tasal. Uffiċjali qalu li l-vittmi żgur se jaqbżu sew il-100 persuna.
It-terremot kien wieħed pjuttost qawwi. Madwar id-dinja jkun hawn biss madwar 20 terremot li jaqbżu l-qawwa ta’ 7 fuq l-Iskala Richter u l-ħerba ma kinitx akbar għaliex kien fil-fond ħafna.
It-terremot inħass ukoll fil-belt kapitali Indjana Delhi fejn in-nies ħarġu fit-toroq u l-iskejjel u l-uffiċini kienu evakwati.