Il-Gvern ma jridx konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, bl-Oppożizzjoni se tibqa’ tappella lill-Gvern biex jagħti l-fondi meħtieġa u jġib l-ordni fil-Kunsilli Lokali li għaddejin minn taħwid kawża ta’ politika li qed iddgħajjef il-Kunsilli Lokali.
Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni, David Agius, qal meta tkellem dwar il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, li b’dispjaċir jgħid li l-Kunsilli Lokali għall-Gvern m’għadhomx prijorità. Isejħu bħala r-raba’ pilastru tal-ekonomija iżda huma fit-tielet diviżjoni hekk kif minn baġit sħiħ hemm biss mitt kelma fuq il-kunsilli lokali.
Irrimarka li flwaqt li fil-bidu tal-leġislatura kien hemm Ministru u Segretarju Parlamentari li riedu jitkellmu mal-Oppożizzjoni li kienet taħdem mal-Gvern, illum is-sitwazzjoni m’għadhiex hekk. Irrimarka li l-Gvern illum qed jistħi jitkellem ukoll mas-Sindki u l-kunsilliera. Ikkritika li ż-żieda ta’ miljun f’sentejn inbelgħat bil-kunsilli messhom somma miżera ta’ madwar €15,000 kull wieħed.
Irridu nibdlu s-sistema ta’ finanzjament lill-Kunsilli Lokali
Semma kif lill-Kunsill Lokali tal-Imsida, f’mozzjoni kkritika n-nuqqas ta’ allokazzjoni għat-tindif, bid-Direttur tal-Kunsilli jwieġeb li dawk huma l-flus li jagħti l-Ministeru tal-Finanzi. David Agius staqsa kif dal-Kunsill se jlaħħaq mal-bżonnijiet, hekk kif irrimarka li s-Segretarju Parlamentari Stefan Buotnempo jwieġeb li hu konxju li l-allokazzjoni mhix titqassam b’mod ekwu lill-Kunsili. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali qal li dan ifisser li rridu nibdlu s-sistema ta’ finanzjament.
Staqsa x’sar dwar dan fis-sentejn u nofs ta’ dan il-Gvern hekk kif irrimarka li f’sentejn il-kunsilli żdiedu b’€2 miljun iżda li l-Cafè Premier ingħata d-doppju.
L-Oppożizzjoni ilha tressaq proposti lill-Gvern
Fisser ukoll kif l-Oppożizzjoni ilha tressaq proposti lill-Gvern, u reġa’ appella għal shared taxation mill-flus li jiddaħħlu minn liċenzji tal-ħwienet u karozzi. It-taxxa fuq it-turiżmu mħabbra mill-gvern fil-Baġit, ukoll għandha tmur parti minna f’lokalitajiet fejn it-turiżmu hu b’saħħtu.
Kunsilli b’maġġoranza Laburista ma jistednux lill-Oppożizzjoni
David Agius ikkritika wkoll id-direzzjoni li qed tingħata biex kunsilli b’maġġoranza Laburista ma jistidnux lill-Oppożizzjoni għall-konferenzi tal-aħbarijiet li jsiru minn dawk il-Kunsilli.
Taħwid kbir fis-sistema l-ġdida tal-Gwardjani Lokali
Tkellem ukoll dwar is-sistema l-ġdida li daħħlet dwar il-gwardjani lokali u qal li hawn taħwid kbir, ibda miż-Żejtun u ibqa’ sejjer f’lokalitajiet oħrajn. Ikkritika lill-Gvern li ma jridx qbil mal-Oppożizzjoni u semma l-kontroversja tal-Kap li qed imexxi l-Gwardjani Lokali llum – l-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, Ray Zammit.
Fakkar lill-Gvern li kellu joħroġ Avviż Legali dwar punti li kien hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni fit-tħaddim tas-sistema tal-gwardjani lokali u staqsa jekk dan ħariġx. Staqsa wkoll kif qed jitħallsu l-gwardjani lokali li l-Partit Laburista serqilhom il-vot għax wegħdhom li se jidħlu mal-Gvern iżda baqgħu barra. Irrimarka li mal-5,500 li ddaħħlu mal-Gvern, il-Partit Laburista xxaħħaħ mal-gwardjani lokali. Staqsa wkoll kif ġew impjegati n-nies ġodda mal-Aġenzija u min se jiġbor il-flus pendenti fuq iċ-ċitazzjonijiet.
Appell għall-ordni mill-ġdid fil-Kunsilli Lokali
Appella lill-Gvern joħloq mill-ġdid l-ordni fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali u saħaq li s-Sindki u membri tar-reġjuni qed jikkritikaw li din hi politika ta’ taħwid li qed twassal għal telqa u nuqqas ta’ sigurtà fil-lokalitajiet.
Il-gazzetta tal-GWU stess qed tilmenta fi storja li ppubblikat bi prominenza, li fil-lokalità ta’ Marsascala mmexxija minn maġġoranza Laburista, l-imwejjed u siġġijiet bvarra l-istabbilimenti qed jaqbżu l-linji bil-kritika tal-Oppożizzjoni tibqa’ li llum kulħadd qiegħed jagħmel li jrid fil-lokalitajiet.
David Agius irrifera wkoll għad-dokument żbaljat tal-baġit li żvela li s-sit tal-Cafè Premier issa se jingħata lill-Kunsill Lokali tal-Belt. Filwaqt li saħaq li dan hu tajjeb, appella lill-Gvern jagħti lill-Kunsill l-għajnuna kollha biex dan is-sit jiġi rranġat biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu anke fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Kapitali Ewropea fl-2018.
Il-PL jibqa’ ma jroddx lura lill-poplu l-Każin Laburista tas-Siġġiewi
Tkellem dwar il-Każin Laburista tas-Siġġiewi u qal li l-PL irid iżomm għandu l-Każin Laburista għad-detriment tal-Kunsill Lokali. Jibqa’ lanqas ma jisma’ mid-Deputat tiegħu Marlene Farruga li talbet biex dan il-Każin Laburista jintradd lura lill-poplu.
Staqsa jekk il-Gvern jinteressahx mill-problemi kbar finanzjarji u amministrattivi f’diversi lokalitajiet, u semma l-mozzjoni u l-vot li ttieħed mill-kunsilliera kollha fil-Gudja kontra s-Sindku.
Semma wkoll problemi oħrajn fil-lokalitajiet tal-Furjana, fis-Swatar u f’Birkirkara, fil-Marsa, f’San Ġwann, u fl-Imġarr fejn wara l-festa tal-frawli l-Gvern ma riedx inaddaf hu. Kwistjonijiet oħrajn relatati ma’ nuqqas ta’ Segretarji Eżekuttivi, il-problemi ta’ ħafna lokalitajiet marbuta ma’ nuqqas ta’ parkeġġ u problemi oħrajn relatati mal-ġbir tal-iskart.
Semma wkoll li l-ħinijiet tas-servizzi fil-kunsilli lokali ma jirriflettix il-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum.
//= $special ?>