Lokali Parlament

Il-Ministeru għal Għawdex għandu jintervjeni fi kwistjonijiet marbuta mal-bdiewa, raħħala u sajjieda

Il-Ministeru għal Gawdex għandu jitervjeni u jaħdem għal soluzzjonijiet dwar kwistjonijiet li qed ibatu minnhom il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala f’Għawdex.

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel dan l-appell meta tkellem fil-Parlament dwar il-baġit għall-2016 għall-Ministeru għal Għawdex. Semma li waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipal tal-bdiewa Għawdxin hi l-għeluq tal-pitkalija ta’ Għawdex li ghalqet il-bibien ftit xhur wara li kien hemm il-bidla fil-Gvern.

Minflok investa fil-Pitkalija ta’ Għawdex, għalaqha
Ikkritika lill-Gvern li minflok ma investa fil-Pitkalija ta’ Għawdex, għalaqha, bil-konsegwenza li l-bidwi Għawdxi naqqas drastikament it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli għax ma jsibx fejn ibiegħhom.

Semma li biex il-bidwi Għawdxi jġib il-prodotti agrikoli f’Malta, hemm ħafna spejjeż involuti li jnaqqas drastikament il-qliegħ tal-bidwi Għawdxi, li għandu jingħata d-dritt jagħżel hu fejn ibigħ il-prodott tiegħu, jekk hux Malta jew f’Għawdex. Semma li waħda mill-binjiet li kienet tintuża għall-pitkalija dan l-aħħar ġiet konvertita fi store tal-beach cleaners.

Dwar il-bdiewa f’Għwdex li jkabbru t-tadam, Toni Bezzina qal li minflok il-bidwi qiegħed jitħallas għal kull kilo tadam li jkabbar, is-sussidji ntrabat ma’ dak li tipproduċi kull tomna raba’ li tinżera tadam. Ikkritika lill-Gvern li dan il-ftehim sar minn wara dar il-bidwi, bil-Gvern ma jikkunsidrax li l-ammont ta’ tadam li jinġabar minn kull tomna raba’ ma jistax ikun stabbli.
Appella lill-Ministru għal Ghawdex jintervjeni biex il-Gvern jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Il-bdiewa Għawdxin jixtiequ jkabbru l-patata għall-esportazzjoni
Tkellem ukoll dwar ix-xewqa tal-bdiewa Għawdxin li jibdew ikabbru l-patata għall-esportazzjoni u ppropona li jiġi kkummissjonat studju biex jevalwa kif il-bdiewa Għawdxin jibdew jibbenifikaw mill-esportazzjoni tal-patata bħall-bdiewa Maltin.

Irrifera wkoll għall-problema ta’ nuqqas kbir ta’ kaxxi tal-Pitkalija li l-bdiewa Għawdxin, bħall-Maltin, iħabbtu wkoll wiċċhom magħha b’konsegwenza li diversi bdiewa Għawdxin spiċċaw ukoll iħallu l-prodotti agrikoli tagħhom fl-għeliqi b’telf finanzjarju kbir. Appella wkoll lill-Ministeru għal Għawdex ixammar il-kmiem u jissalvagwardja l-interessi tal-bdiewa Għawdxin.

Għamel riferenza wkoll għal diversi problemi li qed jolqtu ħażin lir-raħħala, fosthom it-titlu tal-art li qed tagħmilha diffċli lir-raħħala jinvestu fl-irziezet tagħhom.

Ikkritika lill-Gvern li minkejja l-wegħda li l-ftehim relatat mal-installazjoni ta’ tined fl-irziezet ta’ min irabbi l-baqar kellu jkun onorat, kollox tar mar-rih bir-raħħala jħossuhom traduti fetħu kawżi l-qorti.

Semma wkoll id-differenza fil-prezz tal-għalf tal-annimali f’Għawdex u l-kwistjoni tal-ilma tat-tisfija ta’ Għawdex li jkollhom iġorru r-raħħala u l-bdiewa nfushomu li dan qed jissarraf f’ħela kbira ta’ ħin kif ukoll diesel. Appella lill-Gvern jagħmel studju u jsib soluzzjoni biex jagħmel il-ħajja tal-bdiewa u raħħala aktar faċli.

Appell għal soluzzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ trasport bejn iż-żewġ gzejjer
Dwar is-settur tas-sajd f’Għawdex, id-Deputat Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Ministeru għal Għawdex isib soluzzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ trasport bejn iż-żewġ gzejjer, għall-prezz ogħla tad-diesel għas-sajjieda minn dawk f’Malta, għan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għal slipways u għan-nuqqas ta’ spazju fl-iskallijiet tad-dgħajjes.