Lokali

Imut il-priġunier Jason Decelis; il-Pulizija tinvestiga

Decelis kien instab ħati fl-2006 bil-qtil involontarju ta’ Rachel Bowdler; kien qed jingħata kura fl-isptar wara li ħassu ma jiflaħx

Il-Pulizija qed jinvestigaw il-mewt tal-priġunier Jason Decelis, ta’ 40 sena, li l-Ħadd wara nofsinhar ħassu ħażin fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Kien it-tabib tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li meta ġie infurmat li l-priġunier ma felaħx iqum mis-sodda, eżaminah u ordna li jittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn kompla jingħata l-kura kollha meħtieġa.

Il-priġunier instab f’kundizzjoni gravi u minkejja kull tentattiv miet iktar kmieni llum.

Decelis kien qed jiskonta sentenza ta’ 25 sena dwar qtil involontarju wara li fl-2006 instab ħati li ħalla liż-żagħżugħa ta’ 18-il sena Rachel Bowdler (ritratt fuq) tmut b’overdose ta’droga.

L-istess sentenza kienet ingħatat lil ommu li flimkien ma binha ma ħadux azzjoni biex jevitaw li jidħlu fl-inkwiet mal-liġi.

F’Jannar li għadda Decelis kien tressaq mill-ġdid il-Qorti wara li nstab fil-pussess tal-kokaina u l-eroina f’ċirkostanzi li skont il-Prosekuzzjoni kienu jindikaw li kellu l-intenzjoni li jbiegħhom fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

F’dan il-każ il-Pulizija kienu xehdu li Decelis kien irċieva d-droga mingħand mara waqt li kien f’awla tal-Qorti għaddej bi proċeduri marbuta mad-droga.