Minkejja li s-Sinodu ma jagħtix risposti konkreti, joffri viżjoni dwar ir-realtajiet ġodda – L-Isqof Grech
Il-konklużjonijiet tas-Sinodu dwar il-Familja li ntemm jumejn ilu f’Ruma joffri tama lil familji b’diffikultajiet. Fost dawn, familji b’persuni ddivorzjati li żżewġu mill-ġdid u anke persuni li ddivorzjaw u baqgħu jgħixu weħidhom.
L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal dan meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti mal-wasla tiegħu lura f’Malta hekk kif matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat kien qed jattendi s-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma. Hu ndirizza konferenza tal-aħbarijiet eżattament mal-wasla tiegħu f’Malta.
L-Isqof Mario Grech qal li matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat hu għex l-istorja ta’ Kana fejn sema’ l-esperjenzi ta’ familji li “naqashom l-imbid f’ħajjithom”.
Hu qal li s-Sinodu jagħti tama lill-koppji u familji li kienu qed jistennew kelma ta’ faraġ u sosten, u lil dawn il-familji, s-Sinodu tahom it-tama u żied li wara li ntemm is-Sinodu, għandu jkun hemm struzzjonijiet dwar il-mod kif persuni ddivorzjati se jkunu qed jiġu akkumpanjati u integrati lura f’għaqda sħiħa mal-komunità.
Minkejja li ma tax risposta konkreta dwar x’se jsir fid-dawl ta’ dawn ir-realtajiet, l-Isqof Grech qal li s-Sinodu għamel pass ‘il quddiem bir-rapport finali jgħid li persuni ddivorzjati li li huma “mxenqin li jirċievu lil Ġesù f’ħajjithom” għandhom ikunu akkumpanjati minn Saċerdot matul il-proċess kollu u b’kriterji indikati.
Fi tmiem is-Sinodu ġie ppubblikat rapport li l-Isqfijiet approvaw paragrafu, paragrafu. Għal kull paragrafu approvat kien hemm bżonn tal-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Isqfijiet kollha miġbura. Madanakollu, r-rapport finali ma jorbotx lill-Knisja u hu fid-diskrezzjoni tal-Papa li fil-ġimgħat li ġej jagħti l-istruzzjonijiet tiegħu.
Meta kien mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Knisja dwar koppji omosesswali, l-Isqof Mario Grech qal li l-familja soda hi mibnija bejn mara u raġel u li tkun miftuħa għall-ħajja, madanakollu dan ma jfissirx li l-Knisja m’għandiex tagħti każ il-formazzjoi ta’ strutturi ta’ familji oħrajn.
Hu tenna li s-Sinodu m’offriex konklużjonijiet konkreti imma għadda viżjoni ta’ kif il-Knisja għandha tindirizza kull każ b’mod separat.
Id-dokument finali jitkellem dwar numru ta’ temi marbuta mal-familja, fosthom il-preparazzjoni li l-koppji għandu jkollhom qabel jintrabtu biż-żwieġ. Dwar dan, l-Isqof Grech qal li din hija fost numru ta’ punti li jixtieq li l-Knisja infurzata madwar id-dinja llum qabel għada.
//= $special ?>